Tuesday, January 7, 2025

Is-Sales ta’ Jannar – Kun af id-drittijiet u r-responsabiltajiet tiegħek bħala konsumatur

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Jannar iġib miegħu l-istaġun tal-iskontijiet hekk kif il-bejjiegħa jippruvaw jeħilsu mill-istokk tax-xitwa filwaqt li jattiraw lix-xerrejja b’offerti ta’ xiri vantaġġużi. Għalkemm l-iffrankar ta’ flus jattira lill-konsumaturi, huwa importanti ħafna li l-konsumaturi jieħdu ċerti prekawzjonijet sabiex jagħmlu għażliet ta’ xiri infurmati, u aktar importanti minn hekk, sabiex jevitaw problemi. 

Meta jixtru waqt is-Sales, il-konsumaturi għandhom iżommu f’moħħhom li l-prodotti bi prezzijiet imnaqqsa għandhom ikunu ta’ kwalità tajba u mingħajr difetti moħbija. Fi kliem ieħor, il-bejjiegħa ma jistgħux jużaw is-Sales bħala skuża biex jeħilsu minn prodotti miksura jew difettużi. Jekk għandhom xi prodotti b’xi danni, il-konsumaturi għandhom jiġu infurmati dwar id-difetti qabel jikkonkludu x-xiri. 

F’każijiet fejn il-prodotti mixtrija bi prezz imnaqqas jirriżultaw difettużi jew mhux skont il-ftehim tax-xiri, il-bejjiegħa huma obbligati mill-liġi tal-konsumatur sabiex jipprovdu rimedju mingħajr ħlas. Għaldaqstant, tabelli fi ħwienet li jiddikkjaraw li prodotti mixtrija ma jistgħux jiġu ritornati jew li ma jingħatawx flus lura, ma japplikawx għal sitwazzjonijeit fejn il-prodotti mibjugħa jirriżultaw difettużi.  Sabiex jissalvagwardjaw dan id-dritt, il-konsumaturi jeħtieġ li jkollhom fil-pussess tagħhom il-prova tax-xiri.

Ir-rimedji disponibbli għall-konsumaturi meta prodott jirriżulta difettuż huma t-tiswija jew il-bdil tal-prodott. Jista’ jintalab rifużjoni tal-prezz imħallas meta la t-tiswija u l-anqas il-bdil ma jkunu soluzzjonijiet possibbli. F’sitwazzjonijiet fejn prodott mixtri bi prezz oriġinali jirriżulta difettuż matul iż-żmien tas-Sales, jekk l-unika soluzzjoni tkun ir-rifużjoni tal-flus, tal-ħanut għandu  l-obbligu li jirrifondi l-ammont imħallas mill-konsumatur u mhux il-prezz skontat. F’każijiet bħal dawn il-konsumaturi għandhom ir-responsabbiltà li jippreżentaw l-irċevuta bħala prova tal-ammont li ħallsu għall-prodott difettuż. 

Fi żminijiet ta’ Sales, il-konsumaturi għandhom joqgħodu attenti għal bidliet li bejjiegħa jistgħu japplikaw fir-rigward tal-poloz tar-ritorn. L-ewwelnett il-konsumaturi għandhom jiftakru li l-liġi ma tagħtihomx id-dritt li jibdlu prodotti li mhumiex difettużi. Għaldaqstant, il-bejjiegħa jistgħu jiddeċiedu li jissospendu jew jemendaw il-poloz ta’ ritorn tagħhom waqt is-Sales. Il-konsumaturi għandhom ir-responsabbiltà li jiċċekkjaw sew il-polza ta’ ritorn tal-ħanut minn fejn qed jixtru qabel jikkonkludu x-xiri. Huwa wkoll rakkomandat li l-bejjiegħa jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar bidliet fil-poloz ta’ ritorn tagħhom sabiex jevitaw ilmenti bla bżonn. 

Jekk il-konsumaturi jiddeċiedu li f’dan iż-żmien ta’ Sales jixtru online, m’għandhomx jinsew li bil-liġi għandhom 14-il jum li matulhom jistgħu jerġa jibdielhom mix-xiri u jitolbu rifużjoni sħiħa tal-flus imħallsa. Filwaqt li l-bejjiegħa online huma obbligati li jroddu lura l-flus lill-konsumaturi fi żmien 14-il jum mid-data tal-kanċellament tax-xiri, il-konsumaturi jistgħu però jintalbu jkopru l-ispejjeż tar-ritorn tal-prodott lura għand il-bejjiegħ. Il-liġi però tirrikjedi li din l-informazzjoni tingħata lill-konsumaturi qabel jikkonkludu x-xiri. 

Sabiex isibu l-aħjar offerti li hawn fis-suq, importanti li l-konsumaturi jduru u jqabblu prezzijiet u offerti differenti. Minn naħa l-oħra, l-bejjiegħ għandhom ir-responsabbiltà li l-prodotti għall-bejgħ ikunu immarkati bi prezz ċar u li d-dikjarazzjonijiet ta’ roħs li jagħmlu jkunu veritiera u ġenwini. Ir-Regolamenti dwar Prezzijiet Indikati jobbligaw lill-bejjiegħa sabiex jindikaw il-prezz finali tal-prodott u f’sitwazzjoni fejn il-prezz skontat qed jitqabbel mal-prezz preċedenti, dan tal-aħħar għandu jkun l-inqas prezz li bih inbiegħ il-prodott f’perjodu ta’ mill-inqas tletin jum qabel is-Sales. F’każijiet fejn l-oġġetti jkunu tpoġġew għall-bejgħ għal perjodu ta’ żmien inqas minn tletin jum, il-prezz preċedenti għandu jkun l-inqas prezz li bih il-prodott inbiegħ qabel is-Sales.

Tabelli li jirriklamaw il-perċentwali tas-Sale m’għandhomx ikunu qarrieqa. Dan ifisser li jekk ħanut jirreklama skont speċifiku, mingħajr ma jindika ebda eċċezzjoni, allura l-konsumaturi għandhom jistennew li l-oġġetti kollha fil-ħanut huma skontati bil-persentaġġ reklamat. Jekk le, dan jiġi meqjus bħala reklamar qarrieqi li huwa illegali.

Nuqqas ta’ indikazzjoni ċara ta’ prezzijiet kif ukoll reklamar ta’ roħs qarrieqi jistgħu jiġu rrapurtati lill-MCCAA permezz tal-formola Flag a Concern li tinsab fuq il-website tal-MCCAA: www.mccaa.org.mt. Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq 80074400 biex jagħmel rapport.

Is-Sales ta’ Jannar jistgħu joffru opportunita sabiħa biex il-konsumaturi jiffrankaw il-flus fuq il-prodotti mixtieqa. Iżda huwa essenzjali li l-konsumaturi jixtru bil-għaqal u li jkunu infurmati sew dwar id-drittijiet tagħhom. Meta jkollhom xi dubju jew diffikultà, il-konsumaturi jistgħu jikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA għal pariri u assistenza.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport