Saturday, December 28, 2024

Is-saltna tad-dritt u d-demokrazija f’pajjiżna

Aqra wkoll

Mill-MPE Josianne Cutajar

Għażilt li nitkellem dwar dan il-jum storiku li għaddejna minnu propju din il-ġimgħa, meta l-Kamra tad-Deputati approvat b’vot ta’ żewġ terzi riformi kostituzzjonali u istituzzjonali storiċi li l-Gvern Malti ressaq ’il quddiem bil-għan li jkompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika.

Konna ilna nisimgħu mhux ftit li l-Gvern għandu r-rieda li jibni fuq dawn iż-żewġ pedini importanti ferm għal pajjiż demokratiku. Tant li meta l-Kummissjoni Venezja kienet bagħtet rapport fuq talba tal-Gvern stess, lejn it-tieni nofs tal-2018, Gvern Laburista mal-ewwel kien iddikjara li kien laqa’ l-abbozz ta’ opinjoni ta’ din il-Kummissjoni u għamilha ċara minnufih li b’mod ġenerali jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni Venezja u li kien biħsiebu jimplimentahom fil-massa tagħhom.

Tajjeb li niftakru li l-proposti kienu jiffukaw fuq liġijiet u sistemi li kien ilhom snin twal u li ntirtu minn Gvern Laburista. Filfatt minn meta tela’ fil-Gvern, Gvern Laburista fl-2013 mall-ewwel kien medd idu u daħħal diversi liġijiet li permezz tagħhom saħħaħ mhux ftit kemm is-saltna tad-dritt u wkoll id-demokrazija f’pajjiżna.

Kif kien maħtur Prim Ministru, Robert Abela xammar il-kmiem, b’ħidma ma taqta’ xejn biex jitwettqu dawn ir-riformi. Tant li llum-il ġurnata mill-Parlament għaddew 6 liġijiet li jipprovdu għall-emendi relattivi għall-ħatra tal-President ta’ Malta; għall-ħatriet u tneħħija mill-karigi ta’ Imħallfin u Maġistrati; għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Avukat Ġenerali; għar-regolamentazzjoni tal-Uffiċju tal-Ombudsman u għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.

Din il-ħidma xxejjen għal kollox diskors bla bażi li sfortunatament kien ġej anki mill-kamp tal-Oppożizzjoni u għaqdiet oħra li f’daqqa waħda saru paladini tad-demokrazija, li skont huma l-gvern ried joħnoq is-salta tad-dritt f’pajjiżna. Għalhekk ningħaqad mal-Gvern meta qal li dan il-pass tant importanti li ntlaħaq huwa bis-saħħa ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela, kif ukoll bil-koperazzjoni u s-sens komun tal-Oppożizzjoni.

Ma ninsewx ukoll li kien hemm djalogu strutturat mal-Kummissjoni Venezja, li wassal biex f’Ġunju tal-2020, din il-Kummissjoni tat rapport eċċellenti lill-Gvern Malti. Fl-istess waqt dawn l-isforzi tal-Gvern Malti ġew rikonoxxuti mill-Kunsill Ewropew, mill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja u l-Intern u saħansitra mill-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Dawn huma kullana ta’ inizjattivi meħuda minn Gvern Laburista. Inizjattivi li f’dawn is-sebgħa snin li għaddew raw ukoll lista twila ta’ riformi b’saħħithom li ġew implimentati. Biżżejjed wieħed ifakkar li f’inqas minn ħames snin min mindu tela’ fil-gvern, Gvern Laburista daħħal fis-seħħ liġijiet importanti bħal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il-Whistleblowers’ Act, liġi li abolixxiet il-preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni magħmula mill-politiċi, riforma li bidlet il-metodu tal-ħatra u d-dixxiplina tal-ġudikanti, liġi li ħolqot poter ta’ skrutinju tal-Parlament fuq chairpersons ta’ awtoritajiet regolatorji u ambaxxaturi mhux tal-karriera, liġi li naqqset il-poteri tal-Avukat Ġenerali fil-kawżi tad-droga u kawżi oħrajn.

Għalhekk nifraħ lil dawk kollha li kienu katalisti ta’ dawn it-tibdiliet li seħħew. Irrid nappella wkoll lil dawk kollha li għandhom leħen f’fora Internazzjonali u Ewropej. Ejja nużaw dan il-leħen biex nagħmlu ġid lil pajjiżna. Għax hija ta’ dieqa u wkoll huwa disprezz lejn art twelidna meta tisma’ Maltin li jkasbru lil Malta sempliċiment biex jirbħu punti politiċi partiġġjani.

Is-sens komun jitlob mod ieħor. Fejn hemm x’jissaħħaħ, ejjew naħdmu flimkien, biex dan insaħħuħ. Fejn hemm x’wieħed jikkritika, bi dritt ejja nikkritikaw b’mod kostruttiv. Imma qatt ma għandna mmorru kontra pajjiżna stess biex nagħtu stampa mhux veritiera ta’ dak li jkun għaddej f’pajjiżna.

Ix-xogħol kbir li sar se jwassal biex pajjiżna jikseb kredibilità kbira f’fora Ewropej u internazzjonali bħala nazzjon.

Huwa jum storiku. Jum li ra t-tisħieħ tas-Saltna tad-Dritt u d-Demokrazija f’pajjiżna, u lkoll kemm aħna għandna nkunu kburin b’dak miksub permezz tal-ħidma fejjieda ta’ Gvern Laburista.

Ekonomija

Sport