Fattur li jħawwad lil ħafna nies u li ħafna oħrajn jagħmlu għadd ta’ domandi dwaru hu dwar is-salvataġġi fuq il-baħar jew aħjar, dewmien u nuqqas ta’ salvataġġi li jsiru fil-ħin. Spiss jissemmew termini bħal immigranti li kienu f’ibħra internazzjonali. Spiss nisimgħu b’immigranti li talbu l-għajnuna waqt li kienu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija u li mbagħad nisimgħu li l-istess dgħajsa baqgħet għaddejja, jew li f’xi ħin ġew salvati mit-Taljani, minn xi bastiment merkantili, jew li inġabru mill-Gwardi Libjani. Ikun hemm każi ukoll fejn l-istess immigranti jiddaħħlu f’Malta mill-Forzi Armati ta’ Malta. Ma jonqsux l-argumenti dwar dewmien ta’ salvataġġi. Oħrajn isemmu l-liġijiet marittimi u jargumentaw li dewmien f’salvataġġ hu ksur ta’ drittijiet umani. Jitqajjem l-argument li l-liġi marittima tgħid ċar u tond li dgħajsa żgħira f’nofs ta’ baħar jew dinghi ippakkjat b’persuni, għandha titqies dgħajsa li hi f’periklu, għax dgħajjes żgħar jew dinghi m’għandux jintuża biex taqsam il-Mediterran. Għalhekk dgħajsa jew dinghi għandha tiġi salvata immedjatament minn bastimenti fil-qrib u tiddaħħal fl-eqreb port sigur, xi ħaġa li llum mhix issir b’mod immedjat. Anzi hi x-xejra li d-dgħajjes jitħallew f’nofs ta’ baħar għal ħinijiet twal, ġieli jiem u iljieli.
Irridu ngħidu li l-liġi marittima titkellem fuq id-dmir li jiġu assistiti persuni f’diffikultà fuq il-baħar. Din hi regola li ilha stabbilità fid-dritt internazzjonali. Din filfatt hi obbligu ġenerali u bla kundizzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar imsejħa UNCLOS.
Jekk nieħdu l-Artikolu 98 tal-UNCLOS dan jgħid b’mod ċar li fir-rigward tal-Istati li jtajru l-Bandiera Marittima, ‘jirrikjedu li l-kaptan ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, safejn ikun jista’ jagħmel dan mingħajr periklu serju għall-bastiment, l-ekwipaġġ jew il-passiġġieri: jagħti għajnuna lil kull persuna li tinsab fil-baħar fil-periklu li tkun; mitlufa, jipproċedi bil-ħeffa kollha possibbli għas-salvataġġ ta’ persuni f’diffikultà, jekk ikunu infurmati bil-bżonn ta’ għajnuna tagħhom.
L-istess artikolu jisħaq li “l-Istati li jkollhom kosta għandhom jippromwovu it-twaqqif, tħaddim u l-manutenzjoni ta’ servizz ta’ tfittxija u salvataġġ adegwat u effettiv fir-rigward tas-sikurezza fuq il-baħar.” Jgħid li fejn meħtieġ għandhom iriru arranġamenti reġjonali reċiproċi u jkun hemm mal-Istati ġirien.
Jingħad ċar ħafna li d-dmir ta’ għajnuna f’diffikultà mhux ġeografikament limitat bl-ebda mod. Irrispettivament minn fejn bastiment jiltaqa’ ma’ dgħajsa jew bastiment ieħor li jkun qed jesperjenza diffikulta, dan hu obbligat li jassistieh.
Apparti dan id-dmir tas-salvataġġ f’nofs ta’ baħar, hu speċifikat f’għadd ta’ strumenti oħra tal-liġi marittima internazzjonali. Fost dawn hemm il-Konvenzjoni għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ Marittimu – Konvenzjoni SAR.
Tajjeb wieħed jirrimarka li qabel il-Konvenzjoni SAR ma kien hemm l-ebda sistema internazzjonali għal operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ.
Jekk wieħed jieħu x’tgħid l-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tgħid li kif il-Konvenzjoni SAR tiggarantixxi li “irrispettivament minn fejn iseħħ inċident, is-salvataġġ ta’ persuni f’diffikultà fuq il-baħar se tkun ikkoordinata minn organizzazzjoni SAR u, fejn meħtieġ, b’kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet SAR ġirien.”
Salvataġġ ta’ 11-il siegħa għal
440 persuna
B’mod regolari, fejn jidħlu s-salvataġġi ta’ dgħajjes tal-immigranti, qegħdin naraw li ammont ta’ salvataġġi isiru minn bastimenti ta’ għaqdiet non governattivi. Hemm diversi bastimenti li b’mod regolari ikunu fiċ-ċentru tal-Mediterran u jsalvaw l-immigranti. Ħidma li tiswa flejjes kbar u li għal dan jinġabru fondi minn bliet partikolari u organizazzjonijiet barranin.
Każ li kien proprju seħħ fil-bidu ta’ April tas-sena 2023, kienu ġew salvati xejn inqas minn 440 persuna, fosthom tmien nisa u tletin tifel u tifla. Dawn kienu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija, li hi żona kbira ħafna. Huma kienu salvati mill-bastiment Geo Barents li hu mmixxi minn Doctors Without Borders. Il-persuni kienu fuq il-baħar f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna. Doctors Without Borders kienet enfasizzat li kemm l-Italja u kemm Malta ma kienux wieġbu għas-sejħiet. Kien każ li żviluppa ftit qabel maltempata, fejn il-Geo Barents kien sejjer għal irdoss lejn port sigur. Ġara iżda li l-Geo Barents rċieva sejħa għall-għajnuna u ttieħdet id-deċiżjoni li l-bastiment imur iwettaq is-salvataġġ. L-operazzjoni ta’ salvataġġ damet ħdax-il siegħa. Dan hu każ wieħed minn diversi każijiet li jseħħu b’mod kontinwu.
IT-TORĊA tkellmet ma’ espert marittimu li spjegalna li “l-obbligu tal-Istati li jipprovdu servizzi ta’ tfittxija u salvataġġ fil-baħar hu limitat għar-reġjun SAR tagħhom stess. Jgħidilna li l-Konvenzjoni SAR tipprovdi li meta pajjiż jirċievi informazzjoni li persuna jew grupp ta’ persuni ikunu f’diffikultà fuq il-baħar, l-awtoritajiet responsabbli minn dik iż-żona tas-SAR għandhom jieħdu passi urġenti biex jiżguraw li tingħata l-assistenza meħtieġa. Jgħidilna li biex isir dan irid ikun hemm ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tas-salvataġġ li għandhom jaslu is-sejħiet għall-għajnuna. Ċentru ta’ Kordinament hu obbligat li jekk jirċievi sejħa għal għajnuna minn żona lil hinn mis-SAR li hu responsabbli għaliha, jieħu azzjoni u jinforma lil centru ta’ kordinament li hu responsabbli minn dik iż-żona.
Iż-Żona ta’ Salvataġġ Maltija…..il-kontroverji
ma naqsux…dawk salvati jistennew
Jekk nieħdu iż-żona ta’ salvataġġ Maltija naraw li din fiha aktar minn minn 250,000 kilometru kwadru. Ir-reġjun SAR ta’ Malta ikopri minn ftit il-barra mit-Tuneżija, sa ftit bogħod mill-gżira ta’ Kreta.
Il-fenomenu tal-vjaġġi tal-immigranti fil-Mediterran beda wieħed jista’ jgħid fil-bidu tas-snin disgħin u bana’ dejjem iżid u jkun wieħed kontinwu. Inbidel matul iż-żmien. Għal ammont ta’ snin l-immigranti dejjem kienu jkunu salvati mill-bastimenti. Beda jiġri iżda li meta l-ammont bdew jiżdiedu bdew jinqalgħu kwistjonijiet fejn se jiddaħħlu, prattikament f’liema pajjiż. Bdejna naraw pajjiżi jiġu f’kunfitt u tensjoni bejniethom bħal f’każi bejn Malta u l-Italja. Minħabba dan beda jkollok bastimenti li jdumu f’nofs ta’ baħar weqfin jistennew, u dan kien qed iwassal għal telf ta’ flus għal kumpaniji marittima li jmexxu dawk il-bastimenti. Maż-żmien jidher li għebu kważi għal kollox is-salvataġġi marittimi fil-Mediterran minn bastimenti merkantili u dan għaliex jidher ċar li l-bastimenti ma kinux qegħdin jieqfu biex isalvaw.
L-espert marittimu li miegħu tkellmet IT-TORĊA qalilna li “l-Konvenzjoni SAR tgħid li għandu jkun hemm kordinazzjoni u koperazzjoni biex jiġi żgurat li kaptani ta’ bastimenti li jipprovdu assistenza billi jimbarkaw persuni f’diffikultà fuq il-baħar jiġu meħlusa mill-obbligi tagħhom b’devjazzjoni minima mill-vjaġġ tal-vapuri li jkun wettaq is-salvataġġ. L-Istat responsabbli għar-reġjun tat-tiftix u s-salvataġġ li fih tingħata din l-assistenza għandu jeżerċità r-responsabbiltà primarja biex tiżgura li sseħħ tali koordinazzjoni u kooperazzjoni. Dan biex dawk salvati jiġu mgħejjuna jinżlu minn fuq il-bastiment u jittieħdu f’post sigur. Dan l-iżbark irid isir malajr kemm jista’ jkun u b’mod prattikabbli.”
L-oġġezzjonijiet għall-emendi tal-Konvenzjoni SAR
L-emendi għal Konvenzjoni SAR fejn jirrigwardaw port sigur kienu saru fis-sena 2004. Dakinhar Malta kienet oġġezzjonat formalment għall dawn l-Emendi. L-awtoritajiet Maltin dakinhar kienu argumentaw li l-emendi kienu jirrikjedu li l-Istat responsabbli għar-reġjun SAR li fih jiġu salvati l-persuni biex jassumi r-responsabbiltà li jipprovdi l-post sigur għall-iżbark. Il-Gvern Malti kien iddikjara li huwa għadu mhux f’pożizzjoni li jaċċetta dawn l-emendi. Il-Gvern Malti kien enfasizza li għalhekk Malta mhix marbuta bl-emendi. Qal li dan minħabba l-fatt li dawn l-istess emendi jistgħu jiġu interpretati bħala li jimponu fuq l-Istat l-obbligu li jdaħħal fit-territorju tiegħu stess u joffri assistenza lil dawk kollha salvati fir-reġjun SAR li jaqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu”.
L-argument ta’ post sigur…..
…tibqa’ xi ħaġa li mhix ċara
Quddiem is-salvataġġi il-kwistjoni tal-port sigur u fejn dan għandu jkun jibqa’ argumenti dibattibbli u li joħloq kontroversji. Il-kunċett ta’ port sigur għal immigranti jew persuni salvati, mhux definit fil-Konvenzjoni SAR. Fil-fatt il-Konvenzjoni ma tipprovdix regoli speċifiċi għall-interpretazzjoni u ma tidentifikax liema huwa l-Istat li għandu jipprovdi port sigur. Gvern li fiż-żona ta’ tiftix tiegħu jkunu salvati persuni, hu responsabbli li jipprovdi port ta’ sikurezza, jew li jiżgura li jkun ipprovdut port ta’ sikurezza bħal dan, ifisser li dawk salvati jistgħu jinġiebu fis-SAR u għalhekk f’port ta’ Stat ieħor.
Għalhekk l-Istat responsabbli għaż-żona SAR hi dik li tiżgura l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni. Il-Konvenzjoni SAR ma tindirizzax kif issolvi s-sitwazzjoni jekk ma kun intlaħaq ebda ftehim. Fl-istess Konvenzjoni m’hemm xejn li jgħid li fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ftehim speċifiku, il-persuni salvati għandhom jiddaħħlu fl-Istat responsabbli mis-SAR li fih kienu salvati.
L-istess espert marittima jirrimarka li biex jiġi indirizzat dan kienu saru linji gwida dwar it-trattament ta’ persuni salvati minn fuq il-baħar. Jisħaq li dawn il-linji gwida jitkellmu dwar l-interpretazzjoni tal-obbligi meta tingħata assistenza fuq il-baħar u jiddefinixxu post ta’ sikurezza bħala “post fejn l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ jitqiesu li jintemmu. Huwa wkoll post fejn is-sikurezza tal-ħajja ta’ dawk salvati, m’għadhiex mhedda u fejn il-bżonnijiet umani bażiċi tagħhom jistgħu jiġu sodisfatti.”
L-argumenti ma jonqsux u hemm min ma jaqbilx ma’ dan, tant li hemm min jargumenta li l-obbligu hu fuq l-Istat responsabbli miż-żona ta’ salvataġġ li jkunu ġew salvati, li għandu jara li l-persuni jiddaħħlu f’port f’dak il-pajjiż u fuq dan hemm min jgħid li dan l-obbligu hu suġġerit għalkemm mhux direttament fil-Konvenzjoni tas-SAR. Min jargumenta b’dan il-mod, idaħħal il-prinċipju ta’ ‘non refoulement’.
Il-Linji gwida jgħidu ċar li jrid jiġi evitat żbark f’territorji fejn il-ħajja ta’ dawk salvati, u anke il-libertajiet tagħhom, ikunu mhedda. L-argument li jsir hu li post ta’ sigurtà kif wieħed jifhmu mill-istess Konvenzjoni SAR hu dak interpretat skont il-liġi tar-refuġjati u d-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Dan ifisser b’mod ċar ħafna li port ma jistax jitqies li hu port sigur għal dawk salvați jew immigranti, sempliċement minħabba li l-perikli fuq il-baħar ġew eliminati jew spiċċaw. L-argument hu li port sigur hu dak il-port fejn in-non refoulement ikun garantit, jiġifieri li ma jkun hemm ebda biża li dawk salvati se jintbagħtu lura lejn xi pajjiż fejn dawk savlati jistgħu jkunu suġġetti għal tortura, persekuzzjoni jew ksur ta’ drittijiet umani.
L-istess espert jgħidilna li kien hemm tentattivi biex ikun definit li l-port sigur ikun f’dak il-pajjiż responsabbli miż-żona ta’ salvataġġ. Minkejja dan iżda dawn ma ddaħħlux fil-Konvenzjoni SAR.
Dan ifisser li llum is-sitwazzjoni hi dik li l-Istat li hu responsabbli miż-żona ta’ tiftix u salvataġġ, għandu biss l-obbligu li jiżgura li jkun ipprovdut port sigur lil dawn salvati mingħajr ma jkun taħt obbligu li jippermetti li dawn jiddaħħlu fit-territorju tiegħu stess.