Saturday, December 21, 2024

“Is-sanzjonijiet impenġija bħala s-soluzzjoni tal-kunflitt qed joħolqu diffikultajiet lill-klassijiet tal-ħaddiema”

Il-Ministru Clyde Caruana jsostni li l-ħaddiem m’għandux ibati t-tisbit tas-saqajn tal-pajjiżi l-kbar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aħna ma ngħixux ġo bozza u għalhekk se nitkellem dwar xi ħaġa li għandha x’taqsam mas-suq tax-xogħol. Aktar minn hekk hija xi ħaġa li bħalissa kulħadd qiegħed jitkellem dwarha”, Hekk beda biex jgħid il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt li beda biex jitkellem dwar l-inflazzjoni waqt id-diskors parlamentari tiegħu.

Caruana spjega li l-inflazzjoni hija t-terminu li jużaw l-ekonomisti għal dawk li fi kliem aktar sempliċi huma ċertu żidiet fil-prezzijiet. Caruana qal li dak li qed jiġri madwarna huwa primarjament influwenzat minn tliet fatturi li tnejn minnhom huma kawża diretta tal-bniedem u ieħor li mhux.

Il-Ministru Caruana tkellem dwar l-inkwiet tal-gvernijiet fl-2008 minħabba daqqa kbira ekonomika li ħolqot paniku dinji li talab li l-gvernijiet jonfqu daqslikieku għada mhux se jasal qatt. Fakkar kif dan l-atteġjament u ċertu deċiżjonijiet tal-gvernaturi tal-banek ċentrali wasslu biex ir-rati tal-interessi naqsu għal livelli minimi li qatt ma kienu niżlu u kif llum 14-il sena wara qegħdin nisimgħu li dawn qegħdin bil-mod il-mod jibdew tilgħin.

Il-Ministru ġab eżempju b’bejjiegħ tal-ilma li jaf li n-nies jistgħu jixtru biss mill-ilma tiegħu u għalhekk dan se jitlob kemm jista’ jkun biex jiġbor tal-ilma tiegħu, b’mod speċjali jekk jaf li n-nies għandhom ħafna flus u jistgħu jixtru l-ilma tiegħu biss. Spjega li filwaqt li l-banek ċentrali baqgħu joħolqu iżjed flus, il-valur tal-assi bħalma huma d-djar u l-art baqgħu jżidu fil-prezz. 

Tkellem dwar il-fattur tal-pandemija u kif ċertu affarijiet fuq l-ixkafef naqsu u għalhekk hawn domanda akbar mill-provvista li konsegwentament wasslet għal ċertu żidiet fil-prezzijiet.

Il-Ministru kompla biex jitkellem dwar il-kunflitt fl-Ukrajna u li għalkemm qiegħed iseħħ ’il bogħod minn pajjiżna, jolqotna direttament iżjed milli naħsbu. Qal li mingħajr ma joqgħod jidħol fil-mertu ta’ minn fejn beda kollox jew min messu jagħmel li għandu jagħmel, ma jistax ma jitrattax is-

sitwazzjoni bħala Malti u kif dan kollu se jaffettwa lil niesna. 

“Il-pajjiżi l-kbar jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom, tajbin u ħżiena u jaffettwaw lilna wkoll”, kompla biex jgħid Caruana filwaqt li nnota li kulħadd bħal donnu qiegħed jipprepara li din is-sitwazzjoni ta’ kunflitt se ttawwal aktar milli maħsub fil-bidu tagħha. Caruana kompla biex jgħid li fl-aħħar mill-aħħar it-tisbit tas-saqqajn qiegħed joħloq diffikultajiet lill-klassijiet tal-ħaddiema fil-kontinent ewropew. Tkellem dwar ir-Russja bħala pajjiż li qiegħed joħloq distabilizzazzjoni li qed twassal għal żieda sostanzjali fil-prezzijiet. Il-Ministru spjega li minkejja li s-sanzjoni tiġi mpenġija bħala soluzzjoni iżda jekk wieħed jara kif qed isiru t-tranżazzzjonijiet dawn imxew u għalhekk jeħtieġ li ssir analiżi tal-effikaċità ta’ dan kollu. Is-sanzjonijiet huma maħsubin biex iweġġgħu lil xi ħadd, iżda dawk li qegħdin jaqilgħuha huma dawk li sippost li l-inqas qegħdin jiġu affettwati – il-ħaddiema. Il-prezz tas-sazzjonijiet sfortunatament qegħdin ikollhom iħallsu għalihom il-ħaddiema ta’ dawn il-pajjiżi, b’dawk f’pajjiżi Balltiċi li saħansitra qed ikollhom jaffaċċjaw inflazzjoni li tlaħħaq l-20 fil-mija.

Il-Ministru Clyde Caruana tkellem dwar l-ikel u spjega li l-ikel għandu data ta’ skadenza jew jeħtieġ żmien biex jinħadem u għalhekk dak li għaddej fl-Ukrajna jista’ jkollu impatt ferm b’saħħtu fix-xhur li ġejjin minħabba ikel li mhux qed ikompli jiġi mkabbar. 

“Fi kliem sempliċi, hemm barra hemm min jgħid li jekk kien jaqla’ €7, baqa’ jaqla’ €70, iżda meta qabel kien jagħmel xirja ta’ €200, illum irid iżid tal-inqas €40 magħhom”, kompla biex jispjega l-Ministru.

Il-Ministru saħaq dwar il-bżonn li l-gvern jipproteġi lill-ħaddiem Malti u Għawdxi għax m’għandux ikun hu li jerfa’ l-piż ta’ dak li qiegħed jiġri madwarna. Saħaq li l-ġimgħat, xhur u snin li ġejjin, jaf ikunu perjodu ta’ kif l-istoriċi jħarsu lejh bħala l-perjodu li biddel il-mod kif jgħixu l-Ewropej.

Ekonomija

Sport