Ikun skjett mill-ewwel… “Is-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja ma tantx ħallew effett fuqna… Jekk l-Ewropa se tibqa’ tindaħal ma nafx kif se tispiċċa l-gwerra… l-aħjar li jħallu lil Trump jitkellem mal-President Putin biex tinstab soluzzjoni għal paċi.”
Hekk stqarr magħna Anton Portelli, Għawdxi li ilu għal dawn l-aħħar 13-il sena jgħix ir-Russja flimkien mal-familja tiegħu. Portelli hu eks surmast tal-iskola tas-6th Form f’Għawdex.
Nistaqsu dwar is-sitwazzjoni fir-Russja bħalissa u anke dwar is-sanzzjonijiet imposti l-aktar mill-Unjoni Ewropea. “Din mhix l-Ewropa li jien ivvotajt għaliha meta kont għadni Malta. Jien ivvotajt biex Malta tidħol fl-Ewropa, iżda ma vvutajtx għal dawn l-affarijiet li qegħdin isiru. Hawn ħafna sanzjonijiet fuq ir-Russja, iżda l-effetti tagħhom ma tantx qegħdin jinħassu,” jgħidilna Portelli li kellimna permezz tal-WhatsApp.
Bil-borra nieżla fuq barra, Portelli jgħidilna li l-unika effett li kien hemm fuqu personali minħabba s-sanzjonijiet hu li biex jiġi Malta l-prezz tal-ajru sar id-doppju. “Qabel kont inħallas madwar 300 ewro u nitlaq minn Moska… illum il-prezz huwa madwar 600 ewro u rrid immur it-Turkija l-ewwel biex nasal f’pajjiżi.”
Portelli jirrakkonta magħna esperjenza dwar il-gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukranja. Jgħid li ftit tal-ġimgħat ilu seħħ attakk permezz ta’ drone madwar 30 kilometru ‘l bogħod minn fejn jgħix hu. Jgħidilna li qatt ma ħassu imbeżża’ joħroġ barra minkejja li għaddejja l-gwerra. “Kienu tefgħu bomba xi 30 kilometru ‘l bogħod minn fejn ngħixu. Kienu qalulna li l-Ukranja bagħtet drone biex twettaq l-attakk… jien nemmen li d-drone kien ittajjar mir-Russja stess u mhux mill-Ukrajna. Xi ħadd wettaq dan l-attakk f’isem l-Ukreni,” ikompli jgħidilna Portelli.
Jitkellem ukoll dwar suldati li marru għal gwerra u ġew lura f’tebut. “Il-kruha tal-gwerra tħossha. Jien ngħix f’villaġġ ‘il barra minn kull belt… però iva hawn ġuvinturi li ffirmaw kuntratt biex imorru jiġġieldu. Mill-villaġġ tagħha nafu tnejn li marru jiġġieldu u ġew lura mejtin, filwaqt li nafu ħafna oħrajn li marru u ġew lura u wara ftit xhur reġgħu marru,” jgħidilna Portelli.
Tkellimna miegħu wkoll dwar kif kien beħsiebu jqatta’ l-bidu tas-sena l-ġdida. “Ilna għaddejjin bl-attivitajiet għal diversi ġimgħat minħabba li t-tifla tkanta u tiżfen u allura jkollha ħafna affarijiet fejn tmur. Illejla (lejlet l-ewwel tas-sena) se nibqgħu d-dar. Ġejjin xi familjari tal-mara u se nsajru hawn.”
Waqt l-intervista stajna naraw il-borra nieżla fuq barra u għalhekk ma stajniex ma nistaqsuhx ukoll dwar it-temp… “Ma tantx għamlet kesħa s’issa… Bħalissa fuq barra tad-dar hemm madwar 25 ċentimentru ta’ borra. Is-soltu f’dan iż-żmien ikun hemm anke metru borra. Bħala temperatura bħalissa qiegħda -8… matul din ix-xitwa s’issa darba biss niżlet -25,” jgħidilna Portelli filwaqt li sella għall-ħbieb kollha li għandu f’Malta u jittama li fis-Sajf li ġej, jiġi pajjiżna jagħmel xi ftit jiem hawn ukoll.


