Anton Portelli – jew kif inhu magħruf mal-Għawdxin bħala l-eks Kap tal-Iskola tas-6th Form f’Għawdex ilu għal dawn l-aħħar għaxar snin jgħix ir-Russja flimkien ma’ martu. Minn taħt idejn Anton Portelli għaddew eluf ta’ studenti Għawdxin li b’imħabba kbira dejjem edukhom bl-aqwa mod posibbli. Illum jinsab jgħix f’villaġġ li jinsab madwar 700 kilometru ‘l bogħod mill-kapitali Moska.
Kwazi ta’ kull filgħodu Anton Portelli jsellem lil Maltin u Għawdxin ħbieb tiegħu permezz ta’ kitba fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook. Dejjem jagħti ritratt mill-villaġġ fejn jgħix jew xi post li jkun żar. Appari dan jagħti wkoll it-temp fil-villaġġ fejn jgħix kif ikun u anke l-pjanijiet tiegħu għal matul il-ġurnata.
F’intervista li ta fl-aħħar jiem lil talk.mt sostna li minkejja li issa ilu jgħix għal dawn is-snin kollha r-Russja xorta waħda għandu għal qalbu ħafna lil Malta, l-pajjiż li fih twieled u għex għal snin twal.
Ma setax jonqos li mill-ewwel nistaqsu lil Portelli x’effett ħallew is-sanzzjonijiet li imponiet id-dinja tal-Punent fuq ir-Russja minħabba l-invażjoni fuq l-Ukranja.
“Ma tantx ħallew effett fuqna. Ngħid għalija ftit li xejn ħassejt li b’xi mod ħajjitna ġiet affetwata,” qal Portelli filwaqt li sostna li jekk f’każ li l-Ambaxxata Maltija f’Moska tagħlaq “hemm iva se jkolli effetti ħżiena ħafna bis-sanzzjonijiet.”
Portelli jgħid li qabel is-sanzzjonijiet il-pensjoni ta’ Malta – l-unika dħul għalih – kienet tidħol f’bank lokali (Malti) u kien jagħmel użu minn kards tal-visa tal-istess bank. Malli bdew is-sanzzjonijiet il-visa ngħalqet. “Mhux il-Gvern Malti għalaqli l-visa, iżda l-kumpanija Amerikana li topera dawn it-tip ta’ kards. Allura jien ma stajtx aktar ngħix mingħajr il-pensjoni. Però mill-ewwel instabet soluzzjoni. Il-pensjoni tiegħi minflok fil-kont bankarju Malti bdiet tidħol l-Ambaxxata Maltija f’Moska li min-naħa tagħhom imbgħad jgħaddu l-pensjoni f’kont bankarju Russu,” qal Portelli.
Dwar is-sanzzjonijiet hu kompla jgħid li minn dak li qed jesperjenza hu personalment u anke minn dak li jaqra fil-midja kemm Maltija u anke internazzjonali, s’issa jidher li s-sanzzjonijiet kienu aktar ta’ deni għaċ-ċittadini Ewropej milli għar-Russja. “Li nista’ ngħid hu li l-ħajja għoliet ftit, però xorta l-inflazzjoni mhix daqs tal-Ewropa u nemmen li l-ħajja għoliet hawn mhux minħabba l-gwerra b’mod dirett imma jkun hemm min jabbuża mill-prezzijiet.”
Portelli sostna li anke l-prezzijiet tal-enerġija li kissru lil Ewropa, lilna li ngħixu r-Russja ma kellhomx effett. “Ara jien qisu nħallas 10 ewro fix-xahar kont tad-dawl. Malta bi flat magħluq inħallas ħafna aktar milli qed inħallas hawn,” qal Anton Portelli.
Mistoqsi jekk hux posibbli għalih li jiġi Malta wara li waqfu t-titjiriet lejn ir-Russja, Anton Portelli jgħid li llum il-ġurnata hu jiġi Malta għal vaganza minħabba li d-dar tiegħu hija r-Russja. Dan filwaqt li qal li “iva posibbli li niġi Malta għax ngħaddi mit-Turkija jew inkella ngħaddi minn xi pajjiż tal-Lvant Nofsani”. Portelli qal li l-unika problema hi li l-biljett tal-ajru hu wisq għoli u allura għalissa mhux se jkun qiegħed iżur pajjiżna.
Il-Milied niċċelebrawh fis-7 ta’ Jannar
Mistoqsi dwar il-Milied, Portelli jgħid li fir-Russja dan jiġi ċċelebrat fis-7 ta’ Jannar. Hu jgħid li b’differenza minn Malta s-servizz tal-Milied fil-Knisja Ortodossa jdum għaddej madwar 3 sigħat sħaħ u waqt dan is-servizz dawk li jattendu jridu joqgħodu bil-wieqfa l-ħin kollu.
“Aħna hawn niċċelebbraw bil-kbir l-Ewwel tas-Sena. Ġieli morna fil-belt fejn ikun hemm ċelebrazzjonijiet kbar u anke ġlieli morna għand ħbieb tagħna. Kull familja tixtri xi tip ta’ nar tal-ajru u fit-toroq ikun hemm festi sħieb ħafna,” qal Portelli filwaqt li ftakar fl-affarijiet li kienu jsiru Malta kemm meta kien żgħir u anke meta kiber.
Ma’ talk.mt Anton jgħid li żamm it-tradizzjoni tal-kejk tal-Milied kif kien jagħmlu meta kien jgħix Għawdex. “Fil-Milied – 25 ta’ Diċembru – nagħmel ġurnata naħmi l-kejkijiet tal-Milied. Qabel il-pandemija meta l-mara kienet għadha tgħallem fi skola kont nistieden xi tfal id-dar u norganizzalhom festi. Il-pandemija waqfet dan il-festi u issa l-mara rtirat mix-xogħol,” kompla jgħid Portelli li tkellem magħna b’mod viżwali.
Ġbejniet Għawdxin jintgħoġbu mir-Russi
Anton Portelli qalilna li qed jagħmel il-ġbejniet kif kien jagħmilhom meta kien jgħix f’pajjiżna. “Nixtri sitt litri ta’ ħalib fil-ġimgħa u nagħmel il-ġbejniet. Nagħmel friski, imbgħad nagħmel dawk li jkunu nexfin u anke ġbejniet tal-bżar. Ivvintajt waħda jien hawn ir-Russja, qed nagħmel ġbejniet friski u magħhom inkisser il-bżar u nħallihom jinxfu,” sostna Portelli filwaqt li qal li dan it-tip ta’ ġobon qed jintgħoġob ħafna mir-Russi.
“Qed inrabbu tifla”
Anton Portelli flimkiem ma’ martu issa wkoll qegħdin irabbu tifla. Bil-mod kif tkellem dwarha, Anton jidher li għandu mħabba speċjali għat-tifla li skont hu s’issa qegħdin nagħmlu fostering. “Għanda wisq talenti. Inteliġenti ħafna. Tħobb ħafna l-kultura u fiċ-ċentru Kulturali meta ssir xi attività dejjem tingħata partijiet prinċipali,” sostna Portelli.
Hu qal li aktar ‘il quddiem jista’ jkun li jaddottaw lit-tifla però l-ewwel iridu jaraw x-xewqat tagħha u imbgħad jiddeċiedu.
Anton Portelli spiċċa l-intervista billi awgura l-festi t-tajba lil kull min jaf f’Malta u b’mod partikolari f’Għawdex.