Sunday, November 3, 2024

Is-Segretarju Ġenerali tal-NU jitlob lill-pajjiżi kollha biex jgħinu lill-Pakistan

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazz­jonijiet Uniti António Guterres appella lill-pajjiżi tad-dinja kollha biex jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-Pakistan hekk kif dan il-pajjiż sofra bil-kbir f’għargħar qaw­wi kkawżat minn xita torrenzjali. Guterres qal dan hekk kif żar dan il-pajjiż u qal li l-kaġun ewlieni ta’ dan id-diżastru hu t-tibdil fil-klima. Il-gvern tal-Pakistan hu­wa tal-istess fehma. 

Xita qalila tal-monsoon kif ukoll silġ glaċier li nħall fil-muntanji tat-Tramuntana wasslu għal għargħar qalil li kisser għadd ta’ djar, toroq, linji tal-forroviji u ponti­jiet filwaqt li qered għadd ta’ għelieqi u provvisti ta’ ikel. B’kollox hu kkalkulat li xejn inqas minn 1,391 persuna tilfu ħajjithom. 

Dan id-diżastru naturali wassal biex meded kbar ta’ art spiċċaw mgħarrqin taħt l-ilma u kawża t’hekk eluf kienu dawk li kellhom jitilqu minn djarhom. 

Il-gvern tal-pajjiż qal li dan id-diżastru mess il-ħajja ta’ kważi 33 miljun persuna. Fid-dawl ta’ dan, Guterres qal li, “jien nappella għal appoġġ qawwi mill-komunità internazzjonali hekk kif il-Pakistan qiegħed jipprova jirrispondi għal dan il-katastrofu klimatiku.”

Sport