Sunday, June 15, 2025

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jindirizza l-forum annwali tal-koalizzjoni globali għall-ġustizzja soċjali

Aqra wkoll

F’Ġinevra, matul it-tieni forum annwali tal-koalizzjoni globali għall-ġustizzja soċjali, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li l-ebda transizzjoni sostenibbli mhi possibbli mingħajr djalogu soċjali b’saħħtu u kostruttiv bejn il-ħaddiema, min iħaddem u s-soċjetà ċivili. Hawnhekk semma l-konsultazzjoni li dejjem saret f’Malta meta ġew introdotti liġijiet u miżuri kuraġġużi li biddlu l-ħajja tan-nies.

Is-Segretarju Parlamentari qed jindirizza dan il-Forum sena minn meta Malta ngħaqdet formalment fil-Koalizzjoni Globali għall-Ġustizzja Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-ILO, flimkien ma’ iktar minn 350 membru ieħor, fejn il-membri qed jagħtu sehemhom fit-tfassil ta’ politika li tħares il-ġustizzja soċjali u tassigura xogħol dinjituż għall-ħaddiema kollha, inkluż dawk f’pajjiżna.

Fl-indirizz tiegħu s-Segretarju Parlamentari Ellul tkellem ukoll dwar l-innovazzjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema u kif dawn jistgħu jipprogressaw u jissaħħu id f’id. Huwa rrefera wkoll għall-Politika Nazzjonali dwar il-Familja, politika li ssaħħaħ l-għajnuna għall-familji Maltin, li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja filwaqt li tassigura li l-iżvilupp soċjali jirrifletti r-realtajiet tal-familji. “Il-benesseri tal-familji Maltin u Għawdxin huma fil-qalba tal-progress ta’ pajjiżna.”

Dr Ellul spjega wkoll dwar il-Viżjoni Malta 2050, il-pjan fit-tul li nieda pajjiżna li jpoġġi lill-poplu Malti fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u ambjentali. “Il-bidla hija għażla. Permezz ta’ djalogu soċjali miftuħ, kull pajjiż jista’ jassigura li l-ġustizzja soċjali mhijiex biss mitkellma jew diskussa iżda esperjenzata minn kull ċittadin madwar id-dinja,” sostna Dr Ellul.

Is-Segretarju Parlamentari kellu wkoll laqgħa bilaterali mad‑Direttur Ġenerali tal‑ILO, Gilbert F. Houngbo, fejn it-tema ewlenija kienet is-suq tax-xogħol f’Malta. Din il-laqgħa kienet opportunità biex jiġu diskussi l-prijoritajiet nazzjonali f’dan il-qasam u l-mod kif Malta qed tkompli ssaħħaħ il-qagħda tal-ħaddiema u l-kompetittività tas-suq tax-xogħol.

Id-Direttur Ġenerali faħħar lill-Gvern Malti għall-impenn qawwi tiegħu lejn il-ħaddiema u għas-sforzi konkreti sabiex jiġi żgurat suq tax-xogħol aktar ġust, dinamiku u inklussiv. Huwa nnota wkoll il-kontribut b’saħħtu ta’ Malta fil-livell internazzjonali fi ħdan l-ILO.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport