Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul se jkun qed jassumi flimkien mar-responsabbiltajiet li għandu, il-portafoll tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela meta lbieraħ kien qed jieħu sehem f’diskussjoni mtella’ mill-Partit Laburista bit-tema “Il-Kwalità tal-Ħajja favur il-Familji.”
Dan l-iżvilupp seħħ wara li s-Sibt filgħaxija, Roderick Galdes irriżenja minn Ministru biex inaddaf ismu mill-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu u li sal-lum ma jirriżultawx li huma ppruvati.
Il-Prim Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin saru riformi kbar fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali fosthom ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995. Barra minn hekk, saru riformi oħra biex ikomplu jindirizzaw l-affordabbiltà tal-housing.
“L-għan hu li nkomplu bir-ritmu b’saħħtu li għaddejjin bih f’dak is-settur. Għalija jibqgħu ta’ prijorità l-proġetti ta’ housing affordabbli biex ir-rata ta’ home ownership inkomplu ntellgħuha ’l fuq partikolarment fost iż-żgħażagħ tagħna. Kburi b’dak li rnexxielna niksbu, però nemmen li fadlilna ħafna u ħafna iżjed x’nistgħu niksbu flimkien,” tenna l-Prim Ministru.

