Thursday, October 30, 2025

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali flimkien mas-Sindku tal-Belt Valletta jindirizzaw id-49 Sessjoni tall-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa

Aqra wkoll

Matul il-laqgħa plenarja tad-49 Sessjoni tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fi Strasburgu, l-Onorevoli Alison Zerafa Civelli, f’isem il-Presidenza Maltija tal-Kumitat tal-Ministri, saħqet li l-qawwa tad-demokrazija Ewropea tibda mil-livell lokali.

Hija fakkret fl-40 anniversarju tal-Karta Ewropea dwar l-Gvern Lokali u enfasizzat l-irwol ċentrali taż-żgħażagħ fit-tisħiħ tad-demokrazija, rwol li f’Malta ġie sanzjonat formalment bl-introduzzjoni tal-Vot16, segwit ftit snin wara bis-Sindku16.  Zerafa Civelli tenniet wkoll l-impenn ta’ Malta lejn il-paċi fl-Ukrajna, kif ukoll lejn il-valuri ta’ ġustizzja, solidarjetà u drittijiet tal-bniedem li jħaddan il-Kunsill tal-Ewropa.

Iktar tard, is-Segretarju Parlamentari ġiet ukoll mistiedna sabiex tipparteċipa f’diskussjoni dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-deċiżjonijiet politiċi.  Waqt l-intervent tagħha, l-Onorevoli Zerafa Civelli saħqet li din id-diskussjoni qed isir f’mument kruċjali għal Ewropa li qed tfittex li tiġġedded demokratikament. U li dan jista’ jsir biss jekk iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunita’ li mhux biss jipparteċipaw f’dan it-tiġdid imma li jkunu huma l-katalisti tiegħu. 

Il-ġurnata bdiet bil-parteċipazzjoni u l-intervent tas-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay waqt diskussjoni li kienet tittratta l-isfidi marbuta mal-akkomodazzjoni soċjali.  Hu saħaq dwar il-fatt li l-kwistjoni tad-akkomodazzjoni soċjali u aċċessibbli hija fost l-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw il-bliet Ewropej fl-2025. Fil-Belt Valletta, fejn kull metru kwadru jġorr storja millenarja, l-isfida hi li jitħares il-wirt kulturali waqt li jiġu provduti spazji soċjali sostenibbli.   

Il-ġurnata laqqgħet ukoll lis-Segretarju Parlamentari u lis-Sindku mal-għola esponenti politiċi u amministrattivi tal-Kungress, fosthom il-President Marc Cools, is-Segretarju Ġenerali Mathieu Mori kif ukoll id-Direttriċi Claudia Luciani.  Ilkoll kellhom kliem ta’ tifħir u apprezzament għal-ħidma kbira u effettiva ta’ Malta matul il-Presidenza tagħha.

Id-delegazzjoni kienet akkumpanjata mill-Kap tas-Segretarjat tal-Onorevoli Zerafa Civelli, minn Uffiċċjali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u kienet ikkoordinata mill-Uffiċċju tal-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport