Sunday, January 19, 2025

Is-sejħiet għall-għajnuna mill-immigranti……bastimenti merkantili jinjoraw….nuqqas ta’ salvataġġi immedjati….interċettazzjonijiet mil-Libjani (6)

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni f’nofs il-Mediterran fejn jidħlu salvataġġi u anke f’żoni oħra fil-Mediterran minn żmien għal żmien jesperjenzaw bidliet. Kien hemm żmien meta is-salvataġġi kienu jsiru tista’ tgħid b’mod awtomatiku minn bastimenti merkantili.  Kien hemm żmien meta kien hemm operazzjonijiet ikkordinati bħal Mare Nostrum u Triton, li kienu jsalvaw l-immigranti.

Maż-żmien, beda jiddaħħal l-argument – li llum hu ppruvat li hu żbaljat u dan hu sostanzjat minn statistika li teżisti, li dawn l-operazzjonijiet u salvataġġi oħra minn għaqdiet non governattivi kienu qegħdin iwasslu biex it-traffikanti jibagħtu aktar immigranti.  Kellna anke politiċi li bdew irewwħu u jgħidu li s-salvataġġi kienu qegħdin iwasslu biex it-traffikanti jorganizzaw aktar vjaġġi.

Maż-żmien, rajna r-realtà fejn l-inizjattivi ta’ salvataġġi bħala Marenostrum u Triton jitwaqqfu għal kollox. Bdew ukoll restrizzjonijiet, u dawn dejjem bdew jiżdiedu fil-konfront ta’ għaqdiet non governattivi li kellhom bastimenti ta’ salvataġġ. Bdejna naraw anke kwistjonijiet bejn pajjiżi partikolari fosthom l-Italja u Malta dwar fejn għandhom jittieħdu immigranti salvati.

Ir-realtà li bdiet tiżviluppa fis-snin ta’ wara kienet dik li s-salvataġġi ma bdewx isiru b’mod immedjat. Beda jkun hemm dewmien. Din ix-xejra bdejna narawha b’mod konsistenti u quddiem dan kienu diversi dawk l-għaqdiet umanitarji li appellaw biex il-pajjiżi fuq il-fruntiera jwettqu is-salvataġġi mingħajr dewmien u li jiddaħħlu miżuri li jirrispettaw il-valur tal-ħajja u li jieqfu jiġu kriminalizzati għaqdiet ta’ salvataġġi umanitarji.

Il-kwistjonijiet bejn l-Istati membri

Il-pressjoni marbuta mal-immigrazzjoni, wasslu għal kwistjonijiet bħal dik tal-Pinar E f’April tas-sena 2009. Proprju ħames snin qabel kienu saru emendi għall-Konvenzjoni dwar it-Tiftix u Salvataġġ (SAR).  Dakinhar Malta kienet oġġezzjonat formalment għal dawn l-emendi. 

Malta argumentat li l-emendi kienu jirrikjedu li l-Istat responsabbli għar-reġjun SAR li fih jiġu salvati l-persuni biex jassumi responsabbilità li jipprovdi l-post sigur għall-iżbark.  Malta kienet iddikjarat li  għadha mhix f’pożizzjoni li taċċetta dawn l-emendi u kien qal li Malta mhix marbuta bihom. 

Dan minħabba li l-emendi jistgħu jiġu interpretati bġala li jimponu fuq l-Istat l-obbligu li jdaħħal fit-territorju tiegħu stess u joffri assistenza lil dawk kollha salvati fir-reġjun taż-żona ta’ tiftix u salvataġġ li jaqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu.

Il-każ tal-MV Pinar

Fis-sena  2009 eżattament f’April kellna l-każ tal-Pinar E. Kien bastiment proprjetà ta’ kumpanija ibbażata fit-Turkija u registrat taħt il-Bandiera Marittima tal-Panama. Dan kien salva ‘l fuq minn 140 migrant. Is-salvataġġ kien sar 40 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta ta’ Lampedusa, u 110 mil nawtiku minn Malta. 

F’din il-kwistjoni kemm il-bastiment u anke l-immigranti salvati spiċċat f’kontroversja diplomatika bejn Malta u l-Italja dwar min se jilqa’ lill-istess immigranti. Malta dakinhar kienet insistiet li l-bastiment kellu jieħu lill-migranti fl-eqreb port. Dan kien ifisser li Malta kienet qiegħda tgħid li għandhom jiddaħħlu f’Lampedusa.

L-Italja ma qablitx u argumentat li l-immigranti ġew salvati fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija, liema żona hi waħda ta’ kobor sostanzjali. L-Italja argumentat li Malta għandha tieħu r-responsabbilità. Il-kwistjoni saret waħda intensa għall-aħħar, fejn finalment l-Italja aċċettat li l-immigranti jiddaħħlu f’port fi Sqallija.

Kienet iżda enfasizzat li għamlet dan minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza abbord l-istess bastiment. L-Italja kienet argumentat b’mod ċar li l-fatt li aċċettat l-immigranti m’għandu bl-ebda mod jinftiehem li hu xi preċedent  u lanqas qiegħda tirrikonoxxi r-raġuni tar-rifjut ta’ Malta. 

Is-sitwazzjoni politika fl-Italja tmur għall-agħar….

…jinħarġu kondotti u restrizzjonjiet għal ngo’s

Is-sitwazzjoni politika fl-Italja marret għall-agħar u dan wassal biex inħarġu Kodiċi ta’ Kondotta għall-bastimenti mħaddma minn NGOs liema bastimenti iwettqu salvataġġi fuq il-baħar.

Il-kodiċi għamel għadd ta’ restrizzjonijiet sinifikanti fuq il-ħidma tal-NGOs, fejn in-nuqqas ta’ konformità effettivament kien ifisser rifjut li jiddaħħlu f’port fl-Italja. L-Italja kienet anke għaddiet liġi li llimitat id-dħul ta’ bastimenti umanitarji tal-NGOs fl-ibħra territorjali Taljani għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u sigurtà.

Ir-restrizzjonijiet mit-Taljanbi kienu ddaħħlu wara li f’Ġunju tas-sena 2018 inqala’ l-każ tas-salvataġġ mill-MV Aquarius. Fi stqarrija fil-Parlament Malti, il-Gvern kien iddikjara li  s-salvataġġi seħħew fiż-żona ta’ salvataġġ Libjan.

L-operazzjoni ġiet ikkordinata miċ-Ċentru ta’ Kordinament ta’ Ruma. Kien f’din il-koordinazzjoni minn Ruma li ġie deċiż li l-immigranti kollha minn dgħajjes differenti jitpoġġew fuq l-MV Aquarius, li jtajjar bandiera ta’ Ġibilità, u operat minn NGO Franċiża. Fl-akkwati kien hemm bċejjeċ oħra navali Taljani, fejn setgħu jittellgħu dawn l-immigranti li ġew salvati.

Il-Gvern Malti fil-Parlament kien qal li “dan huwa sinjal li l-awtoritajiet Taljani li kkoordinaw dan is-salvataġġ kienu certi li MV Aquarius kellu l-abbiltà jagħti kenn lis-700 immigrant. B’hekk Malta, bl-iktar mod ċar, la kienet l-awtorità li qed tikkoordina u lanqas kellha l-kompetenza fuq is-salvataġġ.

L-MV Aquarius beda jipproċedi lejn l-Italja, fejn kellu jiżbarka skont il-konvenzjonijiet u bil-mod kif dejjem imxew l-affarijiet. Waqt li kien fl-ibħra internazzjonali, fi triqtu lejn l-Italja, u waqt li ma kien hemm l-ebda sinjal li d-dgħajsa kellha xi diffikultà, irriżulta li l-awtoritajiet Taljani taw ordni lill-MV Aquarius biex jieqaf fejn qiegħed u ma jkomplix jipproċedi.”

Il-Gvern Malta iddikjara li “hu assolutament inkontestat li pajjiż ma jistax jagħti ordni bħal din. Pajjiż li jagħti direzzjoni biex, f’dak il-mument, dgħajsa tieqaf fejn qiegħda, huwa – u jkun – totalment kontra l-liġijiet internazzjonali marittimi. Dawn l-istruzzjonijiet setgħu eskalaw il-każ fi kriżi umanitarja. Bħala pajjiż żammejna dejjem mal-obbligi internazzjonali, mal-konvenzjonijiet applikabbli u mal-liġijiet marittimi.”

L-istqarrija tal-Gvern Malti tkompli tgħid li “l-pożizzjoni ta’ Malta twasslet b’mod dirett lill-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte f’kuntatt telefoniku.”

Il-kwistjoni kellha żblokk meta Spanja, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Pedro Sanchez, offriet biex l-MV Aquarius jiddaħħal fil-port ta’ Valencia. Id-dikjarazzjoni tal-Gvern Malti kompliet tgħid li “bqajna nsegwu li l-immigranti ma jkunux f’periklu. Fil-fatt, illum wara nofsinhar, ftit tas-sigħat biss ilu, il-Gvern Malti bagħat konsenja ta’ ikel u ilma għas-700 immigrant abbord l-MV Aquarius. Dan għamilnieh minkejja li ma saret ebda talba għal dan it-tip ta’ għajnuna. Għamilnieh għaliex nifhmu, u nifhmu sew, id-diffikultà tas-sitwazzjoni.”

Il-Gvern Malti kien saħaq li “fl-aħħar snin, meta naqsu l-ammonti ta’ immigranti li jaslu Malta b’mod illegali, dejjem sħaqt li din hija sitwazzjoni volatili u li mil-lum għal għada tista’ tinbidel. Għalhekk qatt ma daqqejna trombi, minkejja li stajna lagħbna l-karta populista.

Żgur li mhux se nħalli lil min jinqeda b’din is-sitwazzjoni u oħrajn simili biex ixerred ir-razziżmu. Qatt mhu se nippermetti lil min juża din il-pożizzjoni biex irewwaħ il-mibgħeda.”

Żewġ salvataġġi b’49 persuna….

…għamlu 19-il jum bejn sema u ilma

F’Diċembru tas-sena 2018 faqqa’ l-każ fejn żewġ bastimenti tas-salvataġġ wieħed immexxi mis-Sea Eye u l-ieħor minn Sea Watch salvaw 49 persuna. F’salvataġġ minnhomn ġew salvati 32 persuna u f’ieħor 17-il persuna. Ġara li ż-żewġ bastimenti ma ngħatawx permess jidħlu fl-Italja u lanqas f’Malta. Wara 19-il jum bejn sema u ilma jistennew, l-immigranti finalment daħlu f’Malta. 

Il-każ El Hiblu…….għadu jkarkar

fil-Qrati Maltin għalkemm is-sentenza mistennija tingħata fi żmien qasir

Fis-sena 2019 ifaqqa’ l-każ tal-El Hiblu. Kien bastiment li kien qed ibaħħar lejn il-Libja u wieġeb għal twissija ta’ periklu. Kien salva madwar 100  immigrant. Inqalgħet kwistjoni għax ammont ta’ immigranti ma ridur imorru lura lejn il-Libja. Il-Kaptan bidel id-direzzjoni. Imma anki hawn la Malta u lanqas l-Italja ma riedu li l-bastiment jiddaħħal f’post li hu responsabbilità tagħhom. Finalment daħal Malta u tlieta mill-immigranti jinsabu akkużati b’terroriżmu, akkużi li ġew ikkritikati minn ħafna għaqdiet. Il-Papa Franġisku iltaqa’ ukoll ma’ dawn it-tlett akkużati meta kien f’pajjiżna, bil-każ għadu jkarkar fil-qrati għalkemm is-sentenza mistennija fi żmien qasir. 

Każi li juru d-diskrepanzi….beda jitqajjem 

l-argument jekk dgħajjes kinux f’diffikulta

Dawn il-każijiet u ħafna oħrajn juru id-diskrepanzi li jeżistu fejn jidħlu is-salvataġġi u fejn għandhom jiddaħħlu dawk salvati.  Beda jitqajjem ukoll l-argument jekk dgħajjes li jsejħu għall-għajnuna kinux fil-fatt f’periklu.  Dan wassal biex dgħajjes bdew jiġu segwiti, xi drabi anki minn bastimenti, imma ma jingħatawx struzzjonijiet ta’ salvataġġ. Kemm il-darba, l-awtoritajiet Maltin spjegaw li kienu segwew dgħajjes jew li taw struzzjonijiet biex bastimenti isegwu dgħajjes li għamlu talba għall-għajnuna. 

Quddiem dan imma il-Konvenzjoni SAR titkellem b’mod ċar. Dik li periklu fuq il-baħar jitqies meta hemm sitwazzjoni ta’ ċertezza raġonevoli li persuna, bastiment jew inġenju ieħor huma mheddin minn periklu gravi u imminenti u jeħtieġu assistenza immedjata.

Biss il-kunċett ta’ periklu ma jistax jiġi kkunsidrat biss f’sitwazzjonijiet ta’ ‘force majeure’. Bastimenti iffullati u mhux tajbin għall-baħar li jaqsmu l-Baħar Mediterran huma meqjusa bħala dgħajjes f’diffikultà minħabba l-periklu imminenti, u għalhekk hemm obbligu li tingħata l-assistenza. 

Malta, ilha snin snin targumenta li s-sitwazzjoni ta’ tbatija hija waħda li fiha persuni jiffaċċjaw periklu imminenti fuq il-baħar u jeħtieġu assistenza immedjata, u fejn in-nuqqas min-naħa tal-Forzi Armati ta’ Malta li jintervjenu bl-aktar mod rapidu possibbli jirriżulta f’korriment jew mewt.

Diffiċli tinstab soluzzjoni malajr….

…se tkompli it-tbatija u l-imwiet

Quddiem din is-sitwazzjoni u quddiem il-fatt li l-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali m’għandha l-ebda setgħat biex tinforza l-Konvenzjoni SAR, ftit li xejn hemm tama li jkun hemm soluzzjonijiet malajr għal din is-sitwazzjoni. Ir-realtà hi li se nibqgħu nisimgħu b’aktar sejħiet ta’ salvataġġi imma li dawn ma jiġux salvati b’mod immedjat. Se nibqgħu naraw ukoll, aktar interċetazzjonijiet mil-Libjani minkejja li l-Libja mhix meqjusa bħala port sigur u minkejja li hemm deċiżjonijiet li jgħidu li l-fatt li ntbagħtu immigranti lejn il-Libja kien wassal għal ksur tad-drittijiet umani tagħhom.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport