Il-każ tal-allegat stupru u korruzzjoni ta’ minuri fin-Nadur t’Għawdex qiegħed ikompli jqajjem kontroversji u mistoqsijiet. Dan wara li l-erba’ akkużati ġew illiberati u kien hemm jiżfen fin-nofs ħlas ta’ €120,000 lill-familja tal-vittma. F’dan il-każ hemm allegazzjonijiet ta’ pressjoni kbira fuq l-istess familja kif ukoll huwa msemmi qassis – Fr Michael Said, qarib ta’ wieħed mill-akkużati. Mix-xhieda fil-Qorti hemm allegat involviment minn dan il-qassis fejn allegatament avviċina lill-familja u qalilhom biex iwaqqfu l-proċess kif ukoll ta parir biex “jippruvaw ma jkabbrux l-affarijiet”.
Minħabba n-natura serja ta’ dan il-każ f’pajjiżna, deskritt minn ħafna bħala “skandlu” u “verżjoni tal-Epstein tan-Nadur”, dan il-ġurnal qiegħed ikompli jinvestiga u jistaqsi.
L-ORIZZONT matul l-aħħar jiem għamel kuntatt mad-Djoċesi t’Għawdex, mal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Dr Chris Said, ħu l-akkużati; u lill-Kap tas-Seminarju t’Għawdex, Fr Chales Sultana, li huwa s-superjur ta’ Fr Michael Said, Assistent Kap tal-istess Seminarju. Kien dan tal-aħħar biss li rrispondina direttament.
Id-Djoċesi t’Għawdex, flok irrispondietna għażlet li toħroġ stqarrija mentri Dr Said baqa’ sieket u ma rrispondiniex. Min-naħa tiegħu, il-Kap tas-Seminarju t’Għawdex, Fr Charles Sultana, għall-mistoqsijiet jekk ittieħditx xi tip ta’ azzjoni u jekk Fr Michael Said għadux jirrapporta għax-xogħol, qalilna li “dan il-każ ġie mressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti u preżentament qiegħed jistenna l-gwida u aktar struzzjonijiet”. Fr Sultana qata’ fil-qasir fejn tenna li “f’dan l-istadju m’inix f’pożizzjoni li nagħti aktar kummenti”.
L-allegat abbuż beda meta
t-tifla kellha 13-il sena
… Kumpens jixtri s-skiet?
Il-kontroversji tal-każ ta’ allegat stupru ta’ minuri f’Għadwex bdew hekk kif ħarġu d-dettalji ta” sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell Kriminali. Il-każ, li kien ilu għaddej kważi 20 sena, ta verdett li ħafna mhumiex jaċċettaw. Hawn fix-xhieda tal-istess vittma, l-ewwel abbuż sesswali li sofriet kien meta kien għad kellha 13-il sena. Minħabba allegata pressjoni “kbira” biex jitilqu l-każ, il-ġenituri tagħha kienu “aċċettaw” ħlas ta’ €7,000 kif ukoll ħlas ta’ priskologu privat u vaganza għal binthom. Hawn ġiet iffirmata kwerela u wara li t-tifla saret adulta flimkien mal-ġenituri tagħha reġgħet ġiet iffirmata kwerela oħra din id-darba b’kumpens ta’ €120,000. Kumpens ikkonsidrat bħala ħlas biex isikktu l-vittma, jinħeba kollox u l-każ jaqa’. Iżda l-Ispettur l-Ispettur kompliet bl-investigazzjoni ex officio.
Is-sentiment ġenerali dwar dan il-każ huwa dak ta’ frustrazzjoni u rabja b’mod partikoari kif taħdem il-ġustizzja f’Malta.
Il-Qorti tal-Appell:
Kif waslet għad-deċiżjoni?
Id-deċiżjoni tal-Qorti kienet mibnija fuq diversi elementi ewlenin, fosthom jekk l-evidenza setgħetx tintuża, jekk il-kwerela kriminali kinitx valida u x’kienet in-natura tal-postijiet fejn allegatament seħħew l-atti.
Il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-istqarrijiet li ngħataw lill-pulizija fl-2008 ma setgħux jiġu aċċettati bħala evidenza, peress li l-imputati ma kellhomx assistenza legali waqt l-interrogazzjoni, ħaġa li tmur kontra l-prinċipji Ewropej ta’ smigħ ġust.
Rigward l-akkużi ta’ stupru u korruzzjoni ta’ minorenni, il-Qorti osservat li dawn kienu legalment estinti, billi kemm il-vittma kif ukoll il-ġenituri tagħha rtiraw il-kwerela. Għalkemm l-ewwel rtirar fl-2008 kien marbut ma’ ħlas ta’ €7,000, aktar tard, jiġifieri fl-2017 u fl-2020, il-vittma, issa adulta, flimkien mal-ġenituri tagħha, reġgħu kkonfermaw din ir-rinunzja wara ftehim ċivili li laħaq €120,000.
Il-Qorti evalwat ukoll il-postijiet imsemmija fil-każ, bħas-sit ta’ kostruzzjoni fi Triq id-Duru, bitħa fejn kienu jinżammu trakkijiet, parkeġġ taħt il-Grand Hotel u garaxx privat. Skont il-Qorti, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala “postijiet esposti għall-pubbliku” u għalhekk il-proċeduri ma setgħux jitmexxew mingħajr kwerela valida.
Barra minnhekk, il-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-akkużi li kien fadal lil hinn minn dubju raġonevoli. Il-Qorti nnotat diversi inkonsistenzi fix-xhieda relatata ma’ Mark Lorry Said, kif ukoll nuqqas ta’ provi ċari dwar id-dati ta’ ċerti allegazzjonijiet oħra. Intqal ukoll li ċertu mġieba tal-vittma ma kinitx taqbel mal-allegazzjoni li Peter Paul Said kien qiegħed jikkawża biża’ kontinwa. L-akkuża ta’ sekwestru illegali ġiet miċħuda, filwaqt li dik taħt l-Artikolu 204C ma setgħetx tapplika, peress li l-allegati fatti seħħew qabel ma daħlet fis-seħħ il-liġi fl-2007.
Fl-aħħarnett, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-akkużi kollha ma ġewx ippruvati lil hinn minn dubju raġonevoli.
LArċidjoċesi t’Għawdex:
flok risposta toħroġ
stqarrija fuq Facebook
Minkejja mistoqsijiet mibgħuta u anke L-ORIZZONT ingħata konferma bit-telefon li se jaraw il-mistosijiet tagħna u jkellmuna lura, id-Djocesi t’Għawdex baqgħet ma rrisponditniex. Fid-dawl li fil-Qorti rriżulta li Fr Michael Said huwa qarib, tlabnihom kumment kif ukoll staqsejna jekk humiex se jittieħdu passi fir-rigward. Jekk le għala u jekk iva, x’passi se jittieħdu u dettalji.
Id-Djoċesi għażlet li minflok, toħroġ stqarrija fuq il-paġna tal-Facebook tagħha “Diocese of Gozo”. Fiha qalet li “dejjem tieħu b’serjetà kbira” kull allegazzjoni li tinvolvi minuri. Hawn sostniet li “kif saret taf bil-kontenut tas-sentenza bdiet tiġbor u tanalizza l-informazzjoni kollha” u li qiegħda tieħu pariri professjonali biex tiddetermina l-eventwalità ta’ passi ulterjuri.
Hawn l-Arċidjoċesi nsistiet li tinsab f’fażi ta’ stennija qabel “fl-eventwalità” li jsir xi ħaġa.

