L-unur ewlieni fix-xena tal-football internazzjonali tal-UEFA fis-sena 2021, mar għand l-Italja li ma setax kellhom sena iktar memorabbli meta l-Azzurri rebħu l-Euro 2020 li għalihom din kienet it-tieni darba wara 53 sena li huma ttrijonfaw f’dan it-tournament.
Minbarra r-rebħ ta’ dan l-unur l-Italja, taħt il-coach abbli, Roberto Mancini, huma anke kisru r-rekord tad-dinja għall-itwal sensiela pożittiva ta’ riżultati.
Fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro l-Italja kellhom jikkuntentaw bit-tieni post meta Grupp C ġie mirbuħ mill-Isvizzera. Iżda t-Taljani baqgħu bla megħluba b’rekord ta’ erba’ rebħiet u erba’ draws.
Imbagħad fil-finali li saru f’diversi bliet Ewropej huma rebħu Grupp A bi tliet rebħiet u tliet clean sheets u fil-fażi tan-Knock-Out għelbu lill-Awstrija 2-1 wara l-ħin barrani fl-Aħħar 16 u lill-Belġju 2-1 ukoll fil-kwarti-finali.
Fis-semi-finali huma ġew miżmuma draw 1-1 minn Spanja iżda rebħu 4-2 bil-penalties u wara reġgħu ġew draw 1-1 kontra l-Ingilterra iżda rebħu t-trofew bil-penalties ukoll din id-darba 3-2.
Fir-rekord ta’ logħbiet bla telfa, l-Italja għaddew il-marka ta’ 35 li kienet twaqqfet mill-Brażil (1993-96) u Spanja (2007-09). Iżda din intemmet fis-semi-finali tan-Nations League meta Spanja għelbuhom 2-1 f’Milan, li kienet ukoll l-ewwel telfa kompetittiva f’darhom mill-1999.
It-Taljani ssuperaw ir-rekord preċedenti meta spiċċaw draw 0-0 mal-Isvizzera u ma damux ma għamluhom 37 logħba bir-rebħa 5-0 fuq il-Litwanja.
Is-sensiela kienet tikkonsisti fi 30 rebħa u seba’ draws li fihom skorjaw 93 goal u ċedew 12 biss. Tassew rekord impressjonanti!
Is-sensiela tal-Azzurri bdiet fl-10 ta’ Ottubru, 2018, ħames xhur biss wara li Mancini ngħata l-kariga, eżattament xahar wara li l-Portugall għelbuhom 1-0 f’logħba tan-Nations League.
L-itwal sensielet ta’ bla telf fl-istorja huma:
37 – Italja (2018-21); 35 – Spanja (2007-09); Brażil – (1993-96); 31 –Arġentina (1991-93); 30 – Franza (1994-96); Italja – (1935-39).
FRANZA JIRBĦU N-NATIONS LEAGUE
Franza saru l-ewwel pajjiż li rebaħ kemm il-Kampjonat Ewropew kif ukoll in-Nations League meta fil-finali huma għelbu lil Spanja 2-1.
Huma rebħu l-grupp li kienu fih mingħajr ma sofrew telfa u baqgħu bla megħluba meta fis-semi-finali għelbu lill-Belġju 3-2 u fil-finali rebħu lil Spanja 2-1.
F’dan it-tournament l-Italja, li kienu qed jilagħbu f’darhom kellhom il-konsolazzjoni li jitilgħu fuq il-podju meta fil-partita għat-tielet post għelbu lill-Belġju 3-1.