Il-President ta’ Malta George Vella fil-messaġġ tiegħu lin-Nazzjon għal festi tal-Milied tkellem dwar dak li għaddiet minnu Malta u l-Ewropa matul din is-sena. Il-President Vella tkellem ukoll dwar ix-xewqat tiegħu li naraw li jseħħ fix-xhur li ġejjin.
“Jekk inħarsu lejn dak li ġabet is-sena 2022, naraw kif l-isfidi ma naqsux, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali,” sostna l-President Vella.
Il-President qal li ħadd qatt ma basar li bħal daż-żmien sena l-Ewopra kienet se tintlaqat minn gwerra. “Dak li qed iseħħ fl-Ukrajna mhu xejn ħlief ċaħda tal-prinċipji fundamentali li fuqhom hija msejsa dinja ċivilizzata,” qal il-President ta’ Malta.
Hu wassal s-solidarjetà tiegħu lill-Poplu determinat tal-Ukrajna li bħalissa għaddej mill-qilla ta’ xitwa kiefra, ħafna minnhom mingħajr ebda kumdità u f’kesħa kbira.
Waqt li tkellem għal dak li ġej, il-President semma dwar kif Malta se tieħu postha fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda proprju ftit tal-ġranet oħra. Hu wera t-tama li tinstab soluzzjoni għal gwerra tal-Ukranja u anke ta’ konflitti oħrajn.
“Ninsab konvint li Malta ser tagħti s-sehem konsistenti u determinat tagħha lejn dan il-għan,” qal il-President ta’ Malta.
George Vella kompla jgħid li “s-soċjetà tagħna qed titlob minna li nieħdu b’aktar serjetà u attenzjoni mistħoqqa temi importanti li, jekk ma niħdux ħsiebhom, ser ikomplu jagħmlu l-ħsara lil min hu diġà batut.”
Hu sostna li kemm-il darba tkellem dwar il-bżonn li ma jitħalla ħadd l-art u li s-soċjetà ma tinsa lil ħadd warajha. “Il-faqar jeżisti, u f’ħafna forom u gradi differenti,” qal il-President.
Tkellem ukoll dwar kemm hi kiefra li tilef xi membru tal-familja b’vizzji qerrieda ta’ droga jew xorb jew oħrajn huma maħkumin mil-logħob tal-azzard. Qal li hawn min id-dar għalih jew għaliha tfisser moħqrija, swat u theddid minflok kenn u kuntentizza.
Il-President Vella sostna li “hawn tfal u żgħażagħ imkissrin bil-bullying, li jtellifhom is-serenità tat-tfulija u jbiddilhielhom f’tensjoni, biża’ u solitudni.”
“Nixtieq allura li s-sena 2023 tkun waħda fejn ilkoll nagħmlu aktar atti ta’ għajnuna bejnietna, fil-familji, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskejjel, mal-anzjan u mal-batut. Il-flus u l-proprjetà mhumiex kollox!” kompla jgħid il-President ta’ Malta fil-messaġġ tiegħu għal Milied.
“Nagħlaq billi f’ismi u f’isem Miriam nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom Milied Hieni u Sena Ġdida mimlija hena, sliem u fuq kollox saħħa,” temm jgħid il-President George Vella.