Sunday, December 29, 2024

Is-sena 2025 se tkun sena ta’ sfidi u opportunitajiet

Messaġġ tal-Bidu tas-Sena l-Ġdida mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union Josef Bugeja

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu fl-aħħar ġranet tas-sena 2024 nibdew inħarsu lejn is-sena l-ġdida, sena li nemmen se ġġib sfidi ġodda imma wkoll opportunitajiet kbar biex inkomplu ntejbu l-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema kollha.

Fl-2025 se naraw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ħlas ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Dan il-prinċipju kien wieħed mill-punti ewlenin tal-General Workers’ Union għal diversi snin. Dan ghamilnih għax nemmnu u ridna nassiguraw li l-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol ikun rispettat u applikat b’mod konkret. Sfida oħra hija li niżguraw l-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-Paga Minima Adegwata. Irridu niżguraw li l-benefiċċji ta’ din id-direttiva għall-ħaddiema jiġu implimentati b’mod konkret fosthom dak tal-negozjar kollettiv. Fil-bidu tas-sena se naraw ukoll id-dħul fis-seħħ tal-ftehim kollettiv li jkopri l-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika li se jħalli impatt pożittiv dirett u indirett fuq eluf ta’ ħaddiema.

Matul is-sena d-dieħla se naħdmu b’mod attiv fid-diskussjoni u l-implimentazzjoni tal-Works’ Regulation Orders, pass importanti biex jiġu indirizzati u regolati b’mod aktar ġust, effettiv u modern il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’diversi setturi tal-ekonomija Maltija.

Fuq livell tal-post tax-xogħol qed inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu niddiskutu diversi ftehim kollettivi għall-ħaddiema li nirrappreżentaw. Dawn huma kruċjali biex il-ħaddiema jingħataw il-ġustizzja li tistħoqqilhom, kemm fil-paga kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Mill-ħolqien tagħha, il-GWU kienet il-vuċi tal-ħaddiema, u din tibqa’ l-għan u l-missjoni tagħna.

Il-parteċipazzjoni attiva tagħna fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) tibqa’ prijorità ewlenija. Permezz ta’ dan il-Kunsill, il-GWU tkompli tirrappreżenta l-interessi tal-ħaddiema u tipprovdi kontribuzzjonijiet konkreti għal politiki li jaffettwaw direttament il-ħajja tagħhom. Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-ħtieġa ta’ djalogu soċjali b’saħħtu, kostruttiv u produttiv, li jkun ibbażat fuq rispett reċiproku, biex niksbu soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema u l-ekonomija tagħna.

Fis-sena l-gdida, ma nistgħux ninjoraw l-importanza tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Il-benesseri mentali tal-ħaddiema huwa fundamentali għall-produttiva, motivazzjoni, għas-sodisfazzjon personali, u għall-ħajja tax-xogħol b’dinjità. Għaldaqstant, il-GWU se tibqa’ impenjata biex tkompli tqajjem kuxjenza dwar dan is-suġġett u se taħdem flimkien ma’ sħab soċjali oħra biex jiġu introdotti miżuri ġodda li jappoġġjaw lil dawk li jħossuhom vulnerabbli. Nemmnu li ambjent tax-xogħol li jippromwovi s-saħħa mentali ma jagħmilx biss ġid għall-individwi, imma jikkontribwixxi għall-kisba ta’ objettivi komuni.

L-integrazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fil-lokalitajiet tagħna hija element essenzjali biex nibnu soċjetà aktar ġusta u inklussiva. Aħna nemmnu li kull ħaddiem għandu jkun trattat b’dinjità u rispett, irrispettivament mill-oriġini, ir-reliġjon, jew il-kultura tiegħu. Il-GWU se tkompli taħdem biex tippromwovi ambjenti tax-xogħol fejn id-diversità hija valur miżjud, mhux ostaklu. Fl-istess ħin, ninsabu impenjati biex naħdmu mal-komunitajiet tagħna biex nassiguraw li kulħadd isib post fihom u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-għaqda soċjali fil-lokalitajiet tagħna.

Dan kollu nemmnu li għandu jkun ukoll parti integrali mill-viżjoni tal-Malta Vision 2050, viżjoni nazzjonali li tħares lejn il-futur ta’ pajjiżna b’mod ħolistiku. Fi ħdan din il-viżjoni, nemmen li għandu jkun hemm l-impenn ċar lejn it-titjib tal-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kull ħaddiem, impenn lejn postijiet tax-xogħol soċjalment sostenibbli għax nemmnu li futur sostenibbli u ġust jista’ jinkiseb biss jekk kulħadd jibbenefika mill-progress ekonomiku u soċjali. Din il-vizjoni għandha tkun ta’ kulħadd u għandha twassalna għal soċjetà aktar ġusta, effiċjenti, soċjalment sostenibbli u inklussiva.

Bħas-snin tal-passat, ix-xogħol tagħna mhux biss se jiffoka fuq il-livell lokali, iżda jinkludi wkoll ħidma importanti biex nagħtu vuċi lill-ħaddiema Maltin fuq livell Ewropew u internazzjonali. Il-GWU se tkompli tieħu sehem attiv fid-diskussjonijiet u n-negozjati li jsiru f’dawn il-livelli, biex nassiguraw li l-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-ħaddiema tagħna jkunu rappreżentati b’mod qawwi. Kemm fuq skala Ewropea kif ukoll globali, se nkomplu niġġieldu biex niżguraw li l-ħaddiem Malti jibqa’ fuq quddiem fir-rigward tal-protezzjoni u l-kisba ta’ aktar drittijiet.

Matul is-sena 2025 se nkomplu niżviluppaw u ntejbu s-servizzi tagħna bħala trejd unjin biex nibqgħu noffru l-aħjar servizz lill-membri tagħna. Dan huwa l-uniku mod li nibqgħ relevanti. Matul is-sena li ġejja, apparti xogħol ta’ negozjar ta’ ftehim kollettivi u każi personali ta’ ħaddiema, se nagħmlu sforz addizzjonali biex naħdmu aktar fuq l-iskemi kollettivi tal-pensjonijiet għall-benefiċċju tal-membri tagħna. Dawn l-iskemi huma kruċjali biex niżguraw li l-ħaddiema jkollhom aktar sigurtà finanzjarja għal meta jirtiraw. Dan l-impenn jirrifletti l-viżjoni tagħna li mhux biss nipproteġu d-drittijiet tal-lum, iżda wkoll nippjanaw għal futur aktar stabbli u sostenibbli għall-membri tagħna u l-familji tagħhom.

Nemmnu wkoll li għandu jsir użu aħjar tal-istituzzjonijiet edukattivi tal-GWU biex ngħinu aktar ħaddiema jiksbu ħiliet u kompetenzi ġodda. Dan kollu għandu jissarraf f’kundizzjonijiet u pagi aħjar għall-ħaddiema.

Issa li l-kwistjoni dwar id-dar tagħna – id-dar tal-haddiema, ġiet riżolta, nistgħu niffokaw fuq it-titjib tas-servizzi tagħna b’mod sostenibbli. Fl-istess waqt, qed inħarsu ‘l quddiem biex nużaw il-potenzjal sħiħ tal-Workers’ Memorial Building għall-benefiċċju tal-membri tagħna. Dan il-bini mhux biss huwa simbolu ta’ solidarjetà, iżda wkoll mezz konkret biex intejbu r-rappreżentanza u l-appoġġ li nagħtu lill-ħaddiema kollha.

Dan huwa mument kruċjali biex bħala l-akbar trejd unjin f’Malta nkomplu nassiguraw li l-ħaddiema kollha jingħataw paga li tippermettilhom jgħixu b’dinjità u sodisfazzjon. Il-ġlieda tagħna għad-difiża u l-kisba ta’ drittijiet ġodda għall-membri u l-impjegati kollha mhijiex destinazzjoni imma vjaġġ kontinwu. Huwa vjaġġ kontinwu li jeħtieġ il-kuraġġ, id-dedikazzjoni u l-għaqda. Flimkien, bħala unjin u bħala poplu, se nkomplu naħdmu bla waqfien biex intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istruttura tal-pagi.

Ejja flimkien, magħqudin nilqgħu din is-sena ġdida bi spirtu ta’ għaqda u determinazzjoni biex niksbu futur aħjar għal kulħadd.

Nixtieq f’isem l-uffiċċjali u ħaddiema kollha tal-General Workers’ Union nawgura lil kulħadd sena ta’ suċċess, saħħa u prosperità. Awguri għal sena mimlija paċi, suċċess u solidarjetà.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport