Is-sena 2025 li se tintemm minn hawn u ftit ġranet oħra ftit jew wisq kienet karatterizzata minn ġrajjiet imħalltin, xi wħud minnhom ġrajjiet li ġabu swied il-qalb fix-xena internazzjonali. Din is-sena kienet oħra li matulha, il-komunità internazzjonali ma rnexxilhiex ittemm il-gwerra fl-Ukrajna li diġà ħalliet eluf ta’ nies mejta bejn ċivili u militari.
Lanqas ma solviet għalkollox il-massakru li kien qed iseħħ fil-Gaza minkejja li ntlaħaq ftehim ta’ paċi. L-atroċitajiet fil-Lvant Nofsani, fil-parti l-kbira tagħhom mill-militar Iżraeljan, għadhom iseħħu taħt xi skuża jew oħra. U dan anki minkejja li għadd ta’ pajjiżi fi ħdan il-Ġnus Magħquda rrikonoxxew lill-Palestina bħal stat sovran.
Għalkemm ukoll ġiet rikonoxxuta fil-livell internazzjonali id-dikjarazzjoni li l-paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani sseħħ fuq il-prinċipju taż-żewġ stati – Iżraeljan u Palestinjan – b’danakollu u safejn hu magħruf, id-dinja għad ma rat ebda inizjattiva biex dak li ġie dikjarat fin-Nazzjonijiet Uniti jsir realtà. U sadanittant, il-Palestinjani u xi drabi anki Iżraeliti għadhom jinqatlu bla waqfien.
Fl-isfond ta’ dan kollu, allura wieħed ikollu raġun kbir li jistaqsi x’se ġġib magħha s-sena l-ġdida 2026. Se ġġib magħha awguri ta’ sliem li jisfumaw fix-xejn wara li jgħaddu l-festi? Se ġġib magħha t-tkomplija tal-ħruxija u l-qtil ta’ nies innoċenti kaġun tal-gwerer u l-kunflitti f’bosta nħawi u reġjuni oħra. Se jirnexxielhom fis-sena li ġejja l-ekonomiji l-kbar joħorġu mill-kriżi tal-inflażżjoni u l-awsterita li sfortunatament jinsabu fihom. Kemm se jistinkaw iktar il-pajjiżi għonja biex irażżnu t-tibdil u t-tisħin tal-klima li diġà qed toħloq diżastri umani, soċjali u ambjentali?
Dawn ilkoll huma, fil-fehma tagħna, ftit mill-mistoqsijiet pertinenti li jinħtieġu mhux biss tweġiba imma azzjoni f’waqtha, jekk verament l-umanità trid tinsa l-problemi li qed tiffaċċja u tħares ’il quddiem bis-serjetà u b’ottimiżmu lejn ġejjieni aħjar.
Dan ukoll jgħodd għal pajjiżna għax pajjiżna ma jgħix f’bozza jew f’iżolament. Pajjiżna huwa parti minn din id-dinja u jintlaqat ukoll minn dak kollu li jkun qed jiġri madwarna anki jekk forsi mhux bl-istess intensità. Iżda sakemm l-ekonomija tibqa’ b’saħħitha u f’idejn sodi, il-poplu għandu jkollu moħħu mistrieħ.
Biex ikollna sena u ġejjieni aħjar, irridu wkoll qabel kollox li bħala poplu inwarrbu d-differenzi ta’ bejnietna. Fuq kollox il-mibegħda li għadha ssus fostna forsi wkoll kawża tal-partiġġjaniżmu politiku sfrenat u nifhmu li għandna nkunu poplu magħqud għax fuq kollox aħna poplu wieħed, bi lsien wieħed li jislitna minn popli oħra.
Minkejja l-isfidi li għad nistgħu niffaċċjaw u minkejja l-problemi li sfortunatament il-progress soċjali u ekonomiku iġib miegħu, aħna fiduċjużi li s-sena li ġejja 2026 se tkun sena oħra ta’ suċċessi għall-poplu tagħna. Minn dak li sar fit-tnax-il xahar li għaddew jidher li t-tnax-il xahar li ġejjin se jkunu żmien li matulhom kulħadd se jkompli jtejjeb il-kwalità ta’ ħajtu. Se jkompli jmur mit-tajjeb għall-aħjar.

