Fi tmiem summit tal-MED 9, li jlaqqa’ pajjiżi tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea, tħabbar li s-summit li jmiss ta’ dawn il-pajjiżi se jkun qed isir f’Malta s-sena d-dieħla.
Dawn il-pajjiżi huma Franza, Spanja, l-Italja, il-Portugall, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja u s-Slovenja.
Fi Spanja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun unur għal Malta li tospita dan is-summit proprju fl-għaxar sena tiegħu.
L-enerġija u l-ekonomija kienu fost it-temi għad-diskussjoni bejn il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi. Dan tul żewġ sessjonijiet li saru matul il-jum tal-Ġimgħa.
“Iċ-ċittadini u n-negozji tagħna jixirqilhom soluzzjoni għat-tul u soluzzjonijiet robusti,” insista l-Prim Ministru Robert Abela meta tkellem dwar is-settur tal-enerġija u qal li dan hu l-messaġġ ċar li għandu anke jintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea. Hawn kien enfasizzat ukoll il-bżonn tal-konnettività fin-networks Ewropej, fosthom permezz ta’ infrastruttura tal-futur bħal dik hydrogen ready.
Malta hija waħda mill-aqwa eżempji ta’ din l-għajnuna u għalhekk illum pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Għal darba oħra, il-Prim Ministru Abela reġa’ enfasizza l-ħtieġa ta’ paċi u stabbiltà fil-Mediterran u semma li dan jista’ jinkiseb billi kulħadd jaħdem flimkien f’oqsma ta’ interess komuni bħall-bidla fil-klima, l-enerġija, il-paċi, is-sigurtà u l-immigrazzjoni. B’rabta mal-immigrazzjoni, il-prim ministru reġa’ enfasizza fuq politika li tħarbat il-mudell ta’ traffikanti tal-bnedmin għax dawn huma gruppi kriminali li japprofittaw mill-vulnerabilità tal-immigranti. Hawn reġa’ insista għall-appoġġ lill-poplu Libjan.
Intant, meta rrefera għall-irwol li se tieħu Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hawn se taħdem għall-ġid komuni u rrefera għal oqsma importanti bħall-bidla fil-klima.