Wednesday, October 9, 2024

Is-sena tax-xita 2023-2024 kienet it-tieni l-aktar xotta fuq ir-rekords

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, l-ewwel ħalbiet tax-xita u tkarwit tar-ragħad ħabbru li l-ħarifa u t-temp xitwi bdew joqorbu u mmarkaw ukoll il-bidu tas-sena tax-xita l-ġdida. Għalhekk se nagħtu ħarsa lejn is-sena tax-xita li għadha kif intemmet, jiġifieri l-perjodu bejn Settembru 2023 u Awwissu 2024.

F’dawn it-tnax-il xahar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kejjel 249.8 mm xita, biex is-sena tax-xita 2023-2024 tniżżlet bħala t-tieni l-aktar waħda xotta fuq ir-rekords. F’dan il-perjodu, tkejlu 295.5 mm inqas xita min-norma klimatika. Minn 366 ġurnata, 58 ġurnata ġabu magħhom ix-xita. L-uniku sena meteoroloġika aktar xotta minn din li għaddiet, kienet dik tal-1948, meta l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 230.7 mm xita.

Fil-fatt, ix-xhur kollha, bejn Settembru 2023 u Lulju 2024 kienu aktar xotti min-norma klimatika. L-uniku xahar li fih tkejlet aktar xita mill-kwota kien Awwissu, meta f’ġurnata waħda, fit-22 ta’ Awwissu, tkejlu 13.2 mm xita, jew 3.5 mm aktar min-norma tax-xahar.

L-ammont ta’ xita mkejla f’Awwissu kienet biżżejjed biex is-sajf meteoroloġiku kien ftit iżjed imxarrab min-norma, anke jekk Lulju kien l-aktar xahar xott tas-sena tax-xita li għaddiet. Fil-fatt, it-tieni xahar tas-sajf, baqa’ kompletament qoxqox.

Ġaladarba qed nitkellmu fuq ix-xhur xotti, ma nistgħux ma nsemmux Ottubru 2023, li niżżel ismu bħala l-aktar Ottubru xott fl-arkivju tal-Uffiċċju Meteoroloġiku. Matul dan it-tieni xahar tal-ħarifa meteoroloġika, kienu tkejlu biss 0.2 mm xita.

Ix-xahar ta’ warajh għamel tajjeb għalih u l-uċuħ tar-raba’ ħadu r-ruħ wara bidu xott għas-sena tax-xita. Fil-fatt, Novembru 2023 ġab miegħu 53.6 mm xita, biex kien l-aktar xahar imxarrab fl-aħħar sena tax-xita. L-istess xahar mmarka wkoll il-ġurnata l-aktar imxarrba tas-sena, meta fit-22 tax-xahar tkejlu 26.4 mm xita.

Matul l-aħħar sena tax-xita, il-Gżejjer Maltin esperjenzaw 14-il maltempata bir-ragħad u tliet ġranet li fihom niżel is-silġ, jiġifieri fl-24 ta’ Novembru 2023, fis-6 ta’ Jannar 2024 u d-d-29 Frar 2024.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport