Monday, February 16, 2026

‘Is-sens ta’ dixxiplina u perseveranza li jrid ikollok fl-isport, tista’ wkoll tużah biex taffaċċja l-isfidi tal-ħajja’ – André Gauci

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-Atletika?

L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet meta fil-primarja kont nattendi fil-Kulleġġ De La Salle u kelli madwar tmien snin. Hemmhekk kont niġri tellieqa msejħa cross-country u kont ukoll nirrappreżenta lill-iskola tiegħi. Missieri kien jinkoraġġini ħafna u bdejt inħobb din id-dixxiplina sportiva sakemm irnexxieli niġi magħżul sabiex fis-sekondarja nattendi l-iSkola Nazzjonali tal-iSport.

X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb, għalkemm għadek ta’ età relattivament zgħira?

Jien irbaħt numru sabiħ ta’ midalji fil-Kampjonati Nazzjonali tal-kategoriji ta’ taħt it-12, l-14 u s-16-il sena organizzati minn Athletics Malta. Suċċessi oħrajn jinkludu rekord nazzjonali fix-Shot Put fis-sena 2023 u rrappreżentajt lil Malta fil-FISEC Games fis-sena 2025. Jien irbaħt ukoll l-unuri ta’ Atleta tas-Sena fit-Throws ta’ taħt l-14-il sena fis-sena 2023 u l-Atleta tas-Sena ta’ taħt is-16-il sena fil-Long Distance Running u fit-Throws fl-2025. Unur ieħor għal qalbi huwa l-Atleta tas-Sena ta’ taħt is-16-il sena fi ħdan Rush Athletic Club għas-sena 2025. Għadni wkoll kemm intgħażilt sabiex dis-sena nifforma parti mit-Timijiet Nazzjonali ta’ Malta ta’ taħt it-18-il sena tat-Throws u tal-Middle Distance Running.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-Atletika lokali qiegħed dejjem jogħla. Għamilna avvanzi kbar, iżda baqa’ ħafna xi jsir biex inkunu nistgħu nikkompetu aħjar ma’ atleti ta’ pajjiżi barranin.

Fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

F’Malta l-faċilitajiet tjiebu u aħna nitħarrġu u nikkompetu fit-trakka tal-atletika tal-Marsa Sports Complex. Ta’ sikwit ukoll immorru nitħarrġu u nikkompetu barra l-pajjiż.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-Atletika?

Jien konvint li għandi ħafna potenzjal biex inkompli navvanza u nikseb aktar suċċessi f’dan l-isport. Bħal kull sport, fl-Atletika hemm bżonn ukoll ta’ sagrifiċċji u dedikazzjoni kbira. Jien beħsiebni nkompli t-taħriġ tiegħi b’mod regolari u fuq gwida professjonali tal-Coaches Rachid Chouhal u Antonella Chouhal. Fil-futur nixtieq inkompli nirrapreżenta lil pajjiżi f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-Atletika.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-Atletika.

Jien nixtieq ninkoraġġixxi aktar żgħażagħ sabiex jieħdu l-isport bis-serjetà għax dan jista’ joffri karriera sodisfaċenti u memorabbli. L-isport jgħin mhux biss fiżikament iżda wkoll mentalment. L-isport dejjem joffri sfidi u dan jirrifletti l-ħajja tagħna, għax fiha dejjem ikollna sfidi differenti. Għalhekk, is-sens ta’ dixxiplina u perseveranza li jrid ikollok fl-isport, tista’ wkoll tużah biex taffaċċja l-isfidi tal-ħajja!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport