“Is-sentejn li ġejjin se jkunu l-aktar sentejn li fihom se jkun sar xogħol fuq proġetti ta’ spazji miftuħa. Minn dan il-Ministeru u mill-Gvern sħiħ flimkien, għax anke fi proġetti oħra llum il-kunċett ta’ spazju miftuħ sar essenzjali.”
Iddikjarat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-Budget 2025 għal dan il-Ministeru.
Il-Ministru Dalli bdiet billi qalet li jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-Gvern hi li jagħti kelma u jżommha. Qalet li taw kelma li jkollna spazji miftuħa għaxar minuti bogħod minn kull komunità u dik il-kelma żammewha.
Hija spjegat li b’kollox sal-aħħar ta’ din is-sena, l-2024, se jkunu infetħu 35 spazju miftuħ b’kobor ta’ 144,000 metru kwadru. Dan filwaqt li Project Green bħalissa qed taħdem fuq 118-il proġett b’valur ta’ €350 miljun.
“Miljun u seba’ mitt elf metru kwadru ta’ spazji miftuħa li x-xogħol fuqhom se jsir sas-sena 2027. Sal-aħħar ta’ din is-sena, Project Green se tkun ħarġet 22 sejħa għall-offerti għal 22 spazju miftuħ ieħor,” żiedet tgħid il-Ministru Dalli.
Fost il-proġetti li qed jaħdmu fuqhom hemm proġetti mill-aktar ambizzjużi. Ħareġ il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-ġnien f’Bormla flok fejn kien se jinbena d-dormitorju tal-AUM.
Il-Ministru Dalli kompliet tgħid illi lin-nies ta’ Birżebbuġa tawhom Bengħajsa fejn ħaddieħor ried jagħmel esensjoni tal-freeport u miżbla. “Ma waqafniex hemm għaliex se nerġgħu nkabbru Bengħajsa u se ntuhom dan il-proġett ukoll.”
Barra minn hekk, mal-24,000 metru kwadru li qabel kienu jiffurmaw l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala se jinbidlu fi spazju aħdar u rikreazzjoni. Bl-ewwel sejħa għall-offerti tinsab fl-istadju finali biex jingħata bidu għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett. Magħhom se jiftħu wkoll Wied Inċita.
Qed jiġu ġġenerati kważi 32% inqas boroż suwed mid-djar
Il-Ministru Dalli kompliet tgħid li bis-saħħa tan-nies li jemmnu fl-importanza li jisseparaw l-iskart tagħhom, qed jiġu ġġenerati kważi 32% inqas boroż suwed mid-djar meta mqabbel mal-medja tas-snin 2010 sal-2013. Dan filwaqt li r-riċiklaġġ żdied għal 266% ta’ dak li kien għaxar snin ilu.
Min-naħa tagħha, l-ERA wettqet eluf ta’ spezzjonijiet u ħarġet mijiet ta’ multi ma’ min baqa’ jwebbes rasu għax fi kliem il-Ministru Dalli “l-isforz ta’ ħafna ma jistgħux jirrovinawh il-ftit.”
Lil hinn mis-separazzjoni tal-iskart b’mod ġenerali, b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent din is-sena l-ERA segwiet aktar minn 4,300 każ ġdid, li ġew irrappurtati mill-pubbliku u oħrajn li saru b’mod proattiv mill-uffiċjali tal-ERA.
“Minflok nieħdu l-art, mill-iskart irridu nagħmlu l-enerġija”
Sadanittant, hija qalet li għaddej ix-xogħol fuq is-sejħa tal-offerti għal infrastruttura ġdida biex nkunu nistgħu nipproċessaw l-iskart organiku b’mod iktar effiċjenti ħalli niġġeneraw iktar enerġija rinovabbli. “Fuq kollox ninsabu kommessi li nwasslu l-proġett kruċjali tal-waste-to-energy.”
“Jekk ma jsirux dawn it-tip ta’ proġetti jkollna nieħdu iktar art għall-miżbliet. Ma rridux nagħmlu hekk. Minflok nieħdu l-art aħna mill-iskart irridu nagħmlu l-enerġija. Dawn huma l-kredenzjali ambjentali ta’ dan il-gvern.”
Il-Ministru Dalli tenniet ukoll li ninsabu fit-tielet sena mill-pjan ta’ sitt snin għar-rinfurzar tas-sistema ta’ distribuzzjoni. Din is-sena tpoġġew ‘il fuq minn 82 kilometru ta’ cables ġodda fuq livell ta’ vultaġġ medju.
Bħalissa għaddej xogħol fiż-żona ta’ Ħal Qormi sabiex jgħaddu cables ġodda lejn Ħaż-Żebbug u s-Siggiewi biex inkomplu nsaħħu d-distribuzzjoni f’din iż-żona. Għaddej ix-xogħol ukoll f’Birżebbuġa, il-Mellieħa, Ħal Tarxien, Ħ’Attard il-Gżira, Birkirkara u Ħal Għaxaq.
“Fix-xhur li ġejjin ser inkunu qegħdin inżidu 60 kilometru ta’ cables ġodda fin-network tad-distribuzzjoni biex inkomplu nżidu l-flessibiltà u r-reżiljenza u qed naħdmu fuq għexieren ta’ sub stations madwar il-pajjiż.
“Ġew ‘awarded’ it-tenders biex isiru ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u fis-Siggiewi, li ser ikunu ħolqa oħra importanti fin-network tal-Enemalta fiċ-ċentru tal-pajjiż,” kompliet tispjega l-Ministru Dalli.
Dwar il-proġett tat-tieni interconnector, hija nnotat kif il-ħidma minn Interconnect Malta f’dan ir-rigward tant avvanzat li ħarġu numru ta’ tenders. Fosthom kien ippubblikat l-akbar tender, dak għall-manifattura u l-installazzjoni tal-cable ta’ taħt il-baħar, li waħdu huwa stmat li se jiswa’ €185 miljun ewro. Il-mira tibqa’ li dan il-proġett ikun lest fl-2026.
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li l-Gvern Malti qed jaħdem biex iwettaq l-ikbar proġett li qatt sar fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.
“Il-mira hi li bħala pajjiż nipproduċu 300MW ta’ enerġija mir-riħ, minn żona fuq il-baħar barra t-territorju Malti, magħrufa bħala żona ekonomika esklussiva. Nista’ nħabbar li fi ftit jiem ohra se nagħmlu pass importanti ieħor fit-twettiq ta’ dan il-proġett.”