L-Imħallef Natasha Galea Sciberras se tkun qiegħda tagħti s-sentenza fil-konfront ta’ Daniel Muka u Viktor Dragomanski b’rabta mal-omiċidju doppju f’Tas-Sliema fit-8 ta’ Lulju.
Fi tmiem ġuri li dam għaddej 12-il ġurnata, Muka u Dragomanski kienu nstabu ħatja t’akkużi differenti b’rabta mal-qtil tat-Tabib Chris Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski. Iż-żewġ vittmi kienu nqatlu fir-residenza tagħhom fi Triq Locker, fit-18 t’Awwissu tal-2020.
Muka nstab ħati tal-akkużi kollha kontrih fosthom il-qtil ta’ Pandolfino u Maciejowski u serq aggravat filwaqt li Dragomanski nstab ħati ta’ serq aggravat bl-omiċidju iżda mhux ta’ ħati ta’ kompliċità fil-qtil.
Il-prosekuzzjoni fil-ġuri tmexxiet mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Josè Herrera u Alex Scerri Herrera ddefendew lil Dragomanski waqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana dehret għal Muka.
L-Avukati Joe u Michaela Giglio dehru għall-qraba taż-żewġ vittmi.