Thursday, April 10, 2025

Is-sentenza tal-Qorti fuq il-każ tal-immigranti miżmuma fuq vapuri fl-2020 tikkonferma li d-deċiżjonijiet tal-Gvern ittieħdu fl-interess nazzjonali

Aqra wkoll

Il-Gvern jieħu nota tas-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront ta’ 32 persuna li ġew salvati mill-baħar waqt sitwazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 f’April u Mejju 2020. Is-sentenza tal-Qorti rrikonoxxiet li d-deċiżjoni tal-Gvern Malti kienet waħda meħuda fl-interess nazzjonali u f’xenarju straordinarju li l-pajjiż ma kienx esperjenza bħalu qabel.

Il-Gvern jilqa’ l-osservazzjoni tal-Qorti li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Maltin li jżommu gruppi ta’ immigranti irregolari fuq il-baħar ittieħdet minħabba s-sitwazzjoni kkawżata mill-pandemija, fosthom l-għeluq tal-portijiet, l-ajruport u l-għeluq taċ-ċentri tal-immigranti nfushom.

Il-Qorti ħadet konjizzjoni biss tat-talbiet ta’ disgħa minn tnejn u tletin rikorrent. Barra minn hekk, il-Qorti esprimiet ruħha konvinta li l-Gvern ‘mexa in bwona fede u żgur li ma kellux il-ħsieb premeditat li jiddegradixxi jew jittratta inumanament lir-rikorrenti.’

Fil-fatt, dawn il-persuni ngħataw aċċess għall-proċess tal-ażil immedjatament kif daħlu fit-territorju Malti. Tant kemm il-Gvern ma kellu l-ebda ħsieb li jxekkel lil dawn il-persuni milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom bħala persuni li qed ifittu l-ażil, li wħud mill-persuni involuti f’din il-kawża ġew rilokati lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jew intbagħtu lura lejn pajjiżhom.

Filwaqt li l-Gvern jieħu nota tal-kritika li saret mill-Qorti fuq il-faċilitajiet sanitarji abbord il-vapuri u l-ispazju provdut għall-irqad, wieħed jieħu kont ukoll li l-Qorti xejnet l-allegazzjonijiet ta’ dawn il-persuni fuq il-kura medika li ngħataw, il-mezzi ta’ telekomunikazzjoni u internet li kellhom sabiex jikkuntattjaw lill-familji tagħhom u l-għoti tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien bażiċi, fosthom ikel, ħwejjeġ u gvieret.

Fl-aħħar nett, il-Gvern itenni li d-deċiżjonijiet li ttieħdu, u għadhom jittieħdu, fuq l-immigrazzjoni irregolari huma mmirati sabiex isaħħu s-sigurtà ta’ pajjiżna filwaqt li jnaqqsu n-numru ta’ wasliet irregolari b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi internazzjonali ta’ pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport