Monday, November 18, 2024

IS-SEPARAZZJONI MANDATORJA TAL-ISKART … FEJN WASALNA F’DAN IL-QASAM?

Aqra wkoll

Minn hawn u ftit tal-jiem oħra, preċiżament mill-14 t’April li ġej, is-separazzjoni tal-iskart se ssir mandatorja għal kulħadd. Dan jgħodd kemm għan-negozji, għaqdiet u entitajiet governattivi, kif ukoll għall-iskart li jinġabar mid-djar. Dan se jkun qed isir wara li mill-bidu ta’ din is-sena daħlet fis-seħħ skeda waħda nazzjonali għall-ġbir ta’ l-iskart fejn għal kull raħal jew belt f’Malta u Għawdex issa hemm uniformità sħiħa.

Qabelxejn, din l-iskeda l-ġdida, minbarra li hi waħda konvenjenti għaċ-ċittadini, tinkoraġġixxi wkoll is-separazzjoni tal-iskart u tagħmilha faċli li wieħed jiftakar meta għandu joħroġ il-borża fil-ġurnata t-tajba. Naturalment, kien hemm bżonn ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni biex il-poplu jadatta ruħu għal dan it-tibdil li kien meħtieġ biex pajjiżna jkun jista’ jagħmel passi ‘l quddiem fl-immaniġġjar tal-iskart.

Iżda issa li għaddew aktar minn tliet xhur mill-bidu tal-iskeda l-ġdida, x’effett din ħalliet? X’riżultati nkisbu? Intlaħqu l-miri? Fadal xi jsir biex tassew kulħadd ikun konxju tal-importanza li wieħed jissepara l-iskart?

Nemmnu li iva għad fadal xi jsir f’dan ir-rigward, għalkemm ir-riżultati diġà qed jidhru li huma pożittivi u inkoraġġanti. Ma nistgħux ma ninnutawx b’sodisfazzjon li kienet irreġistrata żieda ta’ 20% fl-iskart organiku li qed jasal b’mod separat fil-faċilitajiet tal-WasteServ.

Minkejja dan kollu, għadna naraw min sfortunatament, għal raġuni jew oħra, għadu qiegħed joħroġ il-borża s-sewda fil-ġurnata l-ħażina. Jew agħar minn hekk, ikun hemm min jitfa’ kollox f’borża waħda minflok ma jissepara kif suppost. Dan l-aħħar waslulna diversi lmenti li f’ċertu nħawi għadek tara sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta.

Dan kollu jwassalna għall-mistoqsija kemm tassew il-kampanji t’għarfien li qegħdin isiru humiex tassew qed jilħqu lil kulħadd. Nemmnu illi qatt mhu biżżejjed biex nedukaw lill-pubbliku, b’mod partikolari lill-barranin li jgħixu fostna u anke lit-tfal. Iżda nemmnu wkoll li għandu jkun hemm infurzar, li jkun wieħed effettiv u b’saħħtu, b’tali mod u manjiera li dak li jkun jaħsibha darbtejn qabel jiddeċiedi li jarmi l-iskart fil-borża l-ħażina jew li joħroġ borża b’oħra.

Għalhekk, filwaqt li ma nistgħux ma nfaħħrux il-ħidma li qiegħda ssir mill-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u anke ta’ entitajiet oħra, fejn qegħdin jiffokaw fuq l-aspett edukattiv u l-għarfien tal-obbligu li wieħed jissepara l-iskart, jeħtieġ li kulħadd jiġbed ħabel wieħed biex tassew inżommu dan il-pajjiż nadif. Jekk imbagħad, ikun hemm min jibqa’ jikser il-liġi, f’dak il-każ jinħarġu l-multi rispettivi.

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu li d-dixxiplina u s-serjetà jibqgħu kruċjali, dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar dak li nagħmlu llum u l-passi li nieħdu f’dan is-settur, se jgawdu minnhom il-ġenerazzjonijiet futuri.

Ekonomija

Sport