Monday, August 18, 2025

Is-separazzjoni tal-iskart hi dejjem meħtieġa

Aqra wkoll

Minkejja l-kampanji kollha li jsiru u l-bosta inizjattivi li qegħdin jittieħdu xorta waħda għadna naraw min mhuwiex jissepara l-iskart kif suppost jew inkella joħroġ il-borża fil-ġurnata l-ħażina. F’dan ir-rigward qed ikunu iċċirkolati filmati jew ritratti fuq il-midja soċjali, l-aktar f’lokalitajiet kbar fil-popolazzjoni.

L-iskeda nazzjonali għall-ġbir tal-iskart ilha ftit mhux ħażin li ddaħħlet fis-seħħ għal kull raħal jew belt f’Malta u Għawdex u dan seħħ sabiex ikun hemm uniformità sħiħa. Din fil-fehma tagħna kienet riforma importanti li ħalliet riżultati mill-aktar pożittivi. 

Għalhekk il-poplu jrid jifhem li l-immaniġġjar tal-iskart huwa proġett nazzjonali. F’dan il-kuntest ukoll nemmnu li qatt mhu biżżejjed biex nedukaw lill-pubbliku speċjalment lill-barranin fostna u anke lit-tfal. Iż-żieda fl-infurzar fuq ir-rimi ta’ boroż ta’ skart fil-jiem barra mill-ġranet u l-ħin li suppost jintremew kien ukoll pass importanti ’l quddiem. 

Fil-fatt, ninnutaw dak li ħabbret il-Ministru Miriam Dalli riċentament fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritilha mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea, illi l-uffiċjali tal-infurzar se jkunu qed jiżdiedu gradwalment matul l-erba’ snin li ġejjin. 

F’dan il-kuntest, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tadotta risk-based approach, fejn isiru spezzjonijiet f’diversi lokalitajiet f’ħinijiet differenti tal-ġurnata u anke bil-lejl biex isir infurzar kontra individwi u stabbilimenti li jarmu boroż tal-iskart mhux skont l-Iskeda Nazzjonali, u dawk li ma jkunux qed jisseparaw l-iskart kif rikjest mil-liġi. Dan filwaqt li darbtejn fis-sena, l-Awtorità torganizza laqgħa mal-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex u r-Reġjuni, kif ukoll ma’ entitajiet rispettivi oħrajn, biex ikun hemm djalogu miftuħ dwar dan ix-xogħol u dwar kif tista’ tiżdied il-kollaborazzjoni.

Kruċjali f’dan is-settur tibqa’ l-edukazzjoni u għalhekk nemmnu li l-kampanji nazzjonali fejn jidħol it-tindif għandhom ikomplu. Filwaqt li nfaħħru l-isforzi li qed isiru mill-entitajiet rispettivi sabiex il-poplu jkun edukat b’tali mod li jitnaqqsu l-abbużi, irridu nifhmu li s-separazzjoni tal-iskart trid tiddaħħal fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-kultura tagħna u anke fil-mod ta’ kif naħsbu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport