Saturday, December 21, 2024

Is-separazzjoni tal-iskart trid tkun parti mill-kultura tagħna

Jikteb Mario Fava, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Aqra wkoll

Perspettiva

Minkejja l-kampanji kollha li jsiru, pajjiżna, tort ta’ nuqqas ta’ rieda minn għadd ta’ residenti, għadu lura sabiex ikun bħal pajjiżi oħra Ewropej f’dak li hu separazzjoni tal-iskart.

Pajjiżi bħall-Iżvezja, is-separazzjoni tal-iskart hija parti kruċjali fil-kultura taċ-ċittadini Żvediżi. Fil-fatt, l-Iżvezja hija meqjusa bħala ‘leader’ globali fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart u n-nuqqas ta’ emissjonijiet per capita. Il-pajjiż, b’mod kostanti jaħdem sabiex inaqqas l-emissjonijiet serra, itejjeb l-enerġija tiegħu, l-effiċjenza u l-aktar importanti, iżid l-għafrien fost il-poplu tiegħu sabiex jissaħħaħ is-sens ċiviku.

Żieda fir-riciklaġġ

Tul l-aħħar 10 snin, dawn irnexxilhom jaslu għal riżultati fejn l-ammont ta’ skart li jintefa’ fil-miżbla huwa biss wieħed fil-mija tal-iskart kollu iġġenerat fil-pajjiż. Dan seta’ jsir biss għaliex ir-residenti fehmu l-importanza ta’ dan u biddlu l-perspettiva tagħhom lejn l-iskart iġġenerat minnhom stess.

Dawn ir-residenti, jirriċiklaw l-iskart tagħhom fi djarhom stess. Dan ifisser li se jkollok bżonn inqas impenn u investiment biex l-iskart fil-kwantità jiġi separat u magħżul f’impjanti kbar. Dan huwa dak li jiġri f’pajjiżna fejn kull borża li tiddaħħal imħallta, din trid tiġi miftuħa u possibilment jiġi separat l-iskart li jkun hemm fiha. Meta minn dawn il-boroż ikollok ħafna, dan jirrikjedi impjanti kbar, numru ta’ riżorsi umani, struttura u investiment finanzjarju kbir biex isir dak li faċilment seta’ jsir minn kull familja ġewwa r-residenza tagħha. 

Ħafna jtennu li ma jinteressahomx għax l-importanti għalihom hu li jkunu komdi huma bla ma jifhmu li biex iseħħ dan kollu li semmejt, qed jintużaw flus li huma stess iħallsu f’taxxi, l-istess flus li jistgħu jmorru għall-edukazzjoni tat-tfal, għas-saħħa tal-marid jew servizzi għall-anzjani. Għax minkejja li naħsbu li l-iskart qed jinġabar b’xejn, fil-verità, kollha kemm aħna qed inħallsu għan-nuqqas ta’ ħaddiehor. Xejn ma jiġi b’xejn!

Ta’ interess huwa l-fatt li leġizlazzjoni importanti ħafna fis-sistema Żvediża hija li kontenituri ta’ separazzjoni jridu jkunu sa mhux aktar minn 1,000 pied ‘il bogħod minn żoni residenzjali. Dan sabiex jagħmilha aktar faċli lir-residenti biex jisseparaw u jiddisponu mill-iskart tagħhom. Meta għandek sistema ta’ siti ta’ separazzjoni mħaddma b’mod tajjeb u effiċjenti, dan jagħmilha ferm aktar faċli għal resident biex jissepara. Tali siti jridu jitbattlu fil-ħin, jinżammu nodfa u jkunu moniterjati għal kull abbuż li jista’ jsir.

Użu mill-ġdid tal-materjal

Iċ-ċittadini Żvediżi huma mħeġġa wkoll li saħansitra qabel jibdew jisseparaw, jaraw jistax jinħoloq skop ta’ użu mill-ġdid ta’ dak il-materjal. Li wieħed joħloq skop mill-ġdid ta’ prodott li spiċċa l-użu tiegħu, jirrikjedi ferm inqas enerġija meta komparat ma’ prodott li jrid jiġi riċiklat jew impoġġi ġo miżbla. Apparti dan, meta wieħed isib skop ta’ użu differenti ta’ prodott meta jkun spiċċa l-użu oriġinali tiegħu, dan ifisser ukoll li tonqos id-domanda fuq il-produzzjoni ta’ materjali jew prodotti ġodda. B’dan il-mod, ir-riżorsi jigu priservati u ssir inqas pressjoni fuq l-ambjent. 

Kif nistgħu naraw, huwa ċar ħafna minn fejn ġejja l-kelma ‘cirkulari’ u l-‘ekonomija ċirkulari’. Evidenti ħafna wkoll li kull deċiżjoni li nieħdu fid-djar tagħna dwar x’nagħmlu bi prodotti wżati u li m’għadhomx bzonjużi, din se jkollha konsegwenzi differenti skont l-istess deċiżjoni li nieħdu.

Skart mibdul f’enerġija

Aktar minn ħamin fil-mija tal-iskart iġġenerat fl-istess pajjiż, huwa mdawwar f’enerġija f’faċilitajiet apposta. L-enerġija iġġenerata minn dawn il-faċilitajiet isservi sabiex jiġu msaħħna kważi d-djar kollha fix-xhur tax-xitwa ġewwa l-pajjiż. Dan wassal biex kien hemm livelli ta’ arja aħjar madwar il-pajjiż kollu. Dan għaliex kien aktar faċli li wieħed jikkontrolla l-emissjonijiet ta’ dawn il-faċilitajiet milli tikkontrolla l-ħsara li ssir meta jkollok tieħu aktar artijiet biex tibdilhom f’miżbliet.

Dawn in-nies irnexxilhom ukoll li t-trab fin, jew irmied li joħroġ jew aħjar jinġabar u jintuża ma’ materjal ieħor biex jinbnew toroq ġodda. Tant ir-residenti jikkoperaw mas-sistema u tant bħala pajjiż jirnexxilu jirriċikla kważi kollox, li sabiex iħaddmu l-impjanti tagħhom tal-enerġija, jimpurtaw skart minn pajjiżi ġirien.

Is-sitwazzjoni f’pajjiżna

Wieħed ma jkunx raġjonevoli jekk jistenna jew jippretendi li mil-lum għal għada, is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna tiġi tixbah lil dik li hemm ġewwa l-Iżvezja. Minkejja dan, wieħed isibha diffiċli biex jifhem id-differenza kbira fil-kultura u drawwiet bejnna u ċittadini oħra Ewropej. Ma nifhimx kif aħna nonqsu milli nifhmu li l-attitudni, id-drawwiet u s-suppervja tagħna qed twassal biex noħolqu problemi li mbagħad aħna stess nilmentaw kontra tagħhom. 

Pereżempju, nipprotestaw jekk il-Gvern jieħu art agrikola għal landfill imma fl-istess waqt ma nisseparawx u nitfgħu kollox fil-borża s-sewda. Ma nifhimx kif neqirdu li darbtejn fil-ġimgħa ta’ ġbir ta’ borza sewda huma ftit meta mbagħad ma noħorġux boroż bojod it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa jew boroż ħodor il-Ħamis. 

Ma nifhimx kif sid ta’ appartament kuntent idaħħal l-eluf fix-xahar mill-kiri (u m’hemm xejn ħażin minn dan), jibgħat ħassiela tnaddaf il-Ħadd waranofsinhar u toħroġ il-boroż suwed barra l-Ħadd, b’konsegwenza li din se ddum barra aktar minn 48 siegħa, imbagħad igerger u jikkritika l-Kunsill għax il-post fejn jikri huwa maħmuġ.

Ma nifhimx kif suppost kull blokka ta’ appartamenti għandha amministratur li jitħallas mill-klijenti tiegħu għas-servizz li joffri, imma jonqos milli jiggwida lill-istess klijenti biex jaraw li jżommu fejn jgħixu huma stess nadif billi joffrilhom skip privat biex ma jimblukkawx bankini u jitfgħu l-boroż fih. Imbagħad hu stess irid jinħela wara lmenti ta’ resident mill-istess kumpless li hu jmexxi għaliex il-ġar qed joħroġ il-borża kmieni jew barra l-ġurnata tagħha. Bħal donnu li wieħed iħaddem sistema preventiva ma nafux xi tfisser. Li nkunu proattivi minflok reattivi ma nafux x’jiġifieri.

Irrid ngħid li hawn ħafna familji li qegħdin jippruvaw jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu infurmati dwar fejn għandu jintefa’ xiex sabiex jisseparaw l-iskart tagħhom però għad hawn min ma jridx jifhem li għandu responsabbiltà ċivika lejn il-komunità u l-pajjiż. U dan huwa n-nuqqas primarju mhux li jkollok skeda waħda nazzjonali. Lanqas mhi l-problema li l-immaniġġjar qed isir fuq bażi reġjonali għaliex il-Kunsilli Lokali qegħdin ukoll xorta waħda f’kuntatt kontinwu mal-kollettur. 

Hawn irrid ngħid li l-kolletturi qed jagħmlu l-almu tagħhom u kultant imorru oltre’ l-obbligu kuntrattwali tagħhom. Perfetti mhumiex u nuqqasijiet hemm imma fil-parti l-kbira tagħhom, dawn qed jerġgħu jiġbru anki boroż li jkunu jew inħarġu tard jew inħarġu fil-ġurnata l-ħażina. 

Infurzar

Ovvjament, hemm nuqqas fejn jidħol infurzar. Minkejja li ngħataw numru ta’ taħrikiet li forsi wkoll jistgħu jkunu aktar minn dak mogħti fuq l-istess perjodu, is-sena li għaddiet, tinħass il-ħtieġa li jkun hemm investiment ikbar f’dan il-qasam, kemm mil-lat ta’ riżorsi umani u kif ukoll fl-effiċjenza kif jingħataw ċertu taħrikiet. 

Biex nagħti eżempju, huwa kruċjali jkollna leġiżlazzjoni biex ċertu multi jiġu mħallsa fuq il-post meta persuna tkun qed tinqabad fil-fatt tabbuża. Dan għal diversi raġunijiet, kemm amministrattivi kif ukoll għal merti ta’ ġustizzja. Mhux gust li persuna Matija li tinqabad tabbuża tiġi mħarrka għax għandek referenza ta’ indirizz fejn tibgħat riferta għat-tribunal filwaqt li turist jew barrani li jkun fostna għal ftit żmien, ma tistax tħarrku għax ma ssibu mkien wara ftit jiem. Dwar dan nitkellmu aktar ‘il quddiem fil-ġimgħat li gejjin.

Huwa kruċjali wkoll li dan il-pajjiż ikollu dik imsejħa ‘data sharing’ bejn stakeholders li għandhom l-istess interessi jew li jaħdmu fl-istess setturi bl-istess għanijiet. Ma jistax ikun Kunsill Lokali u Reġjonali ma jkunx jaf min huma n-nies li qed jgħixu fit-tul fil-lokalità tieghu, speċjalment jekk huma barranin. Il-Maltin huma reġistrati fir-registru elettorali u dan huwa aċċessibbli għall-Kunsilli Lokali, imma barranin li għandhom permess jaħdmu f’pajjiżna, għal dawn il-Kunsilli m’għandhomx aċċess. Dan ixekkel bil-wisq il-komunikazzjoni li jista’ jkun meta u fejn ikun meħtieġ. Anki dwar dan, nelaboraw aktar fil-gimgħat li ġejjin.

Konklużjoni

Ċertament li l-kritika kostruttiva hija essenzjali u importanti u dan ghandu jwassal biex ikun titjib fejn mehtieg. Minn naha l-oħra hija ingusta kritika li tkun gejja minn kwartieri jew individwi li jew jafu li huma stess mhumiex jagħmlu l-parti biex is-sistema tirnexxi jew oħrajn li kważi kważi jieħdu pjaċir meta xi ħaġa tmur ħażina. Ir-responsabbiltà għandha tintrefa’ minn kulħadd u kulħadd għandu jġorr dak li hu tiegħu. Qed nirreferi b’mod speċjali għall-ħwienet kummerċjali, partikolarment dawk tal-ikel u xorb, l-industrija f’żoni industrijali, l-awtoritajiet tal-infurzar, kuntratturi, Kunsilli Reġjonali u Lokali, iżda fuq kollox ir-residenti nfushom, li fuqhom jiddependi b’mod qawwi kemm is-sistema tkun suċċess. 

Irridu nifhmu li s-separazzjoni tal-iskart trid tiddaħħal fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-kutura tagħna u fil-mod ta’ kif naħsbu. Dan huwa obbligu ċivili u mhux pjaċir!

Ekonomija

Sport