Sunday, January 5, 2025

Is-serq ta’ ġiżirajjen minn klabb ta’ divertiment ….’tnejn iservu ta’ ‘shield’ u l-ieħor jisraq

Aqra wkoll

Il-fenomenu ta’ serq ta’ ġiżirajjen, liema fenomenu għadd ta’ żgħażagħ kienu qegħdin jitkellmu fuqu fil-bidu tas-sajf u li kien qed iseħħ  fi sftabbiliment tad-divertiment, wassal biex minn investigazzjoni tal-Pulizija, liema investigazzjoni saret wara li daħlu għadd ta’ rapporti ta’ serq, irriżulta li l-allegati persuni involuti kienu jkunu tlieta, wieħed iservi ta’ ‘shield’ u l-ieħor jisraq.

Jirriżulta li parti mid-deheb li instab l-Italja l-għada li seħħew is-serqiet. Id-deheb kien ġie identifikat minn xi vittmi li rraportaw serqa. Mill-investigazzjoni li saret mill-pulizija rriżultalhom li l-ħallelin kienu grupp ta’ tlieta jew erba’ persuni u tnejn minnhom kien jkunu viċin il-vittma u jaġixxu bħala ‘shield’ għal persuna l-oħra li tiġbed iċ-choker imbagħad tintilef fil-folla. 

Jirriżulta li l-Pulizija kienu arrestaw xi persuni f’Gianpula Fields wara li diversi vittmi kienu ingħaqdu barra u identifikawhom bħala tnejn mit-tlett persuni li kienu jidhru involuti fis-serqa minħabba l-ħwejjeġ li kienu liebsin. Wieħed mis-suspettati intgħaraf minħabba tattoo partikolari f’għonqu. 

Jitressqu l-Qorti….

L-Ispettur Shawn Pawney xehed li irriżulta li t-tielet persuna kien laħaq ħarab minn fuq il-post. Qal li irriżulta li l-persuni involuti huma minn Genova u bl-etatijiet ta’ bejn sittax  u tlieta u għoxrin sena  u filfatt anke l-persuna l-oħra li ġiet arrestata fl-Italja u li instab id-deheb kollu fuqha kienet minn Genova. 

Xehed li d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri ġeneralment ma jinvolvix ruħu f’pickpocketing però peress li kien hemm modus operandi komuni u ammont kbir ta’ serqiet daħlu fl-investigazzjoni huma wkoll. Spjega li mill-verżjoni tal-vittmi li kienu ħadu kien irriżulta li l-modus operandi fis-serqiet kollha kien l-istess u ċioe kien hemm minn tlieta sa erba’ persuni, persuna waħda tisraq u l-oħrajn jagħmlu ostaklu biex il-persuna misruqa ma tkunx tista tilħaq lill-persuna li tkun serqitha. Żied li l-imputati kien ġew identifikati bħala l-persuni li kienu qed joħolqu ostaklu. Xehed li l-vittma identifikat lill-imputati, anke mit-tattoo li għandu m’għonqu  u qalu li l-imputati kien qed jibblukawlhom it-triq biex ma jkunux jistgħu imorru wara li l-persuna li seraqhom. 

Il-Kuntistabbli Jake Sciberras Caruana xehed li fl-1 ta’ Ġunju waqt li kien stazzjonat fl-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ għal ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu bdew deħlin diversi telefonati li kien hemm diversi persuni qed jisirqu ġizirajjen minn ġewwa l- Gianpula, u għalhekk kien irrikorra fuq il-post flimkien ma’ kuntistabbli ieħor  fejn kienu sabu lill-uffiċjali tal-RIU u kien hemm ftit kommozzjoni fuq il-post peress li l-persuni derubati kienu barra wkoll.

Dawn il-persuni bdew jindikawlhom lill-imputati u minn hemm huma kienu arrestaw lill-imputati u ħaduhom l-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ. L-imputati kienu ġew mitkellma mill-Ispettur James Mallia imbagħad ittieħdu l-lockup. Mill-investigazzjoni tagħhom irriżulta li kien hemm persuna oħra involuta u li l-imputati kienu joqogħdu f’appartament f’Tas-Sliema.

Huma kienu marru f’dan l-appartament flimkien mal-ispettur u meta ħabtu semgħu leħen maskili ġewwa. Il-persuna li kien ġewwa ma fetħilhomx u għalhekk huma użaw il-forza biex jiftħu l- bieb, iżda l-persuna li kien hemm ġewwa kien laħaq ħarab minn tieqa eżatt kif daħlu fl-appartament li kien hemm fuq wara. Diversi rondi li għamlu fl-akkwati rriżultaw fin-negattiv. 

Wieħed mill-vittmi xehed li kien viċin il-bar tan-nofs meta  f’daqqa waħda ħass il-choker tad-deheb li kien liebes jinġibed minn wara. Huwa dar mill-ewwel iżda ma ra lil ħadd u għalhekk saqsa li persuni li kien hemm warajh jekk kinux raw lil xi ħadd u qalulu li kienu raw persuna liebsa bucket hat ta’ lewn abjad bl-iswed.

Spjega li peress li hu u l-grupp ta’ persuni li kienu miegħu huma membri tal-Korp tal-Pulizija bdew jagħmlu tfittxija biex jaraw jilħmux lil xi ħadd iżda din irriżultat fin-negattiv. Għalhekk huma ħarġu barra u hu qal lil bouncer b’dak li kien ġara, li kien irrispondieh li kien hemm diversi persuni li kien qalulhom l-istess.

Dak il-ħin kien hemm ukoll grupp ta’ żagħżagħ li qalu li huma kienu wkoll ġew misruqa u li wieħed minn dawn il-persuni kien jaf id-deskrizzjoni ta’ tnejn minnhom għax kien rahom b’għajnejh, u qalli li wieħed mill-persuni kellu tattoo ta’ kuruna b’ittra fuq għonqu taħt widnejh. 

Xehed li t-tfajla tiegħu, li hija wkoll membru tal-Korp tal-Pulizija, baqgħet barra ħdejn il-bouncers, filwaqt illi hu daħal ġewwa mal-vittmi l-oħra biex forsi jaraw lill-persuni li kienu serquhom.

Għall-ħabta tas-2.30am kien tkellem mat-tfajla tiegħu fuq il-mobile u kienet talbitu biex joħroġ barra fil-parkeġġ fejn kien sab in-nies iżommu żewġ lill-imputati. Hu infurmahom minnufih li kienu taħt arrest u qalilhom li hu Pulizija, u r-raġuni għalfejn kienu qed jiġu arrestati. Ċemplu lill-pulizija u kienu marru fuq il-post membru tar- Rapid Intervention Unit u tad-distrett tal-għassa tal-pulizija. 

Il-kuntistabbli Malcolm Pace xehed li fuq struzzjonijiet tal-Ispettur Pawney hu kien mar fil-klabb Gianpula sabiex jeleva l- filmati tac-CCTV iżda l-unika cameras li kienu utli għalihom kienu fil-ħruġ u fid-dħul minħabba li diversi cameras ma kinux qed jaħdmu. 

Katya Vassallo xehdet u preżentat it-traskrizzjonijiet li ħejjiet tal-istqarrijiet awdjoviżivi rilaxxati mill-imputati, fejn wieħed għażel li ma jweġibx għad-domandi li sarulu dwar il-każ filwaqt li l-ieħor  innega l-involviment tiegħu. 

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li tibda biex mingħajr tlaqliq tiddikjara illi it-tieni u r-raba` akkuzi ma ġewx suffiċjentement pruvati mill-prosekuzzjoni peress illi l-prosekuzzjoni naqset milli tressaq lil żewġ vittmi bħala xhieda quddiem din il-Qorti. Il-Qorti qalet li t-teżi tal-prosekuzzjoni hija li fil-lejl ta’ bejn il-31 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju l-imputati kienu parti minn grupp ta’ tlieta jew erba’ minn nies li kien qiegħed jisraq ġiżirajjen tad-deheb minn fuq il-persuna li individwi oħra li kienu jinsabu fl-istabbilment Gianpula.

Skont il prosekuzzjoni il-modus operandi ta’ dan il-grupp kien li persuna waħda tiġbed il- ġiżirana minn fuq il-persuna filwaqt li l-oħrajn jaġixxu bħala ostaklu sabiex ma jippermettux lil vittma jilħaq lil min seraq qabel ma jisparixxi fil-folla.

Is-sehem tal-imputati f’dan il-grupp, skont il-prosekuzzjoni, kien proprju li jaġixxu bħala ostaklu ħalli jżommu lill-vittmi milli jilħqu li min ikun seraqhom, u fit-trattazzjoni finali issottomettiet li filfatt jirriżulta mix-xhieda tal-vittmi li l-imputati ibblukawlhom it-triq b’mod li ma rnexxilhomx jilħqu lil persuna li ġibditilhom il-ġiżirana li kienu liebsin. 

Il-Qorti qalet li mhux kontestat illi l-imputati kienu preżenti fl-istabbiliment Gianpula fil-lejl in kwistjoni. Filfatt l-imputati jidhru deħlin u ħerġin mill-istabbilment fil-filmati tas-sigurta li ġew elevati mill-istabbilment, u inoltre mill-extraction tal-mobile phones tal-imputati jirriżultaw diversi videos qosra li jidher li ttieħdu dakinhar stess minn Gianpula.

Ikkonsidrat li l-imputati kienu f’post pubbliku ta’ divertiment, il-presenza tagħhom waħedha żgur però li mhijiex biżżejjed sabiex timplika xi forma ta’ ħtija, u għalhekk jeħtieġ li jirriżulta mill-provi mressqa mill-prosekuzzjoni li l-imputati kienu filfatt involuti fis-serqiet in kwistjoni, u dan lil hinn minn kull dubbju dettat mir-raġuni. 

Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni targumenta li f’post iffullat bħal ma kien l-istabbilment Gianpula dakinhar, hija kumbinazzjoni wisq kbira li l-vittmi kollha sabu lill-imputati ma wiċċhom jostakolawhom meta pruvaw jaraw min kien ħadilhom il-ġiżirana li kienu liebsin.

Il-prosekuzzjoni tagħmel referenza għal fatt ukoll li fuq wieħed mill-mobiles tal-imputati instab ritratt tal-ġiżirajjen li nsterqu dakinhar u għall-messaggi li bdew jirċievu meta l-mobiles tagħhom kien fil-pussess tal-Ispettur James Mallia u l-fatt li l-persuna li kienet fl-indirizz li ngħata f’dawn il-messaġġi ħarab jiġri meta marru l-pulizija fuq il-post, wara li kellhom jisfrondaw il-bieb biex jidħlu għaliex dan il-persuna ma fetħilhomx. 

Fis-sentenza intqal li naħa tagħha d-difiża tikkontendi li l-prosekuzzjoni ma leħqitx il-grad ta’ prova rikjest fi proċeduri kriminali. Tgħid illi l-vittmi li ġew prodotti bħala xhieda mill-prosekuzzjoni mhumiex xhieda kredibbli peress illi fix-xhieda tagħhom in eżami taw wieħed x’jifhem li kienu raw lill-imputati joħdulhom il-ġiżirana li kienu liebsin filwaqt li in kontro-eżami ammettaw li huma qatt ma raw lil min ħadilhom il-ġiżirana. 

Intqal li huwa prinċipju bażiku pprattikat mill-Qrati tagħna fil-proċediment kriminali li, biex l-imputati jiġu ddikjarati ħatja, l-imputazzjonijiet dedotti għandhom jiġu pruvati oltre kull dubju raġjonevoli

Il-Qorti qalet li mid-dinamika tal-fatti kif rakkontati quddiem il-Qorti, u d-diskrepanza bejn il-verżjonijiet mogħtija, din il-Qorti m’għandix serħan tal-moħħ li l-identifkazzjoni tal-imputati bħala persuni involuti fis-serqiet in kwistjoni hija waħda affidabbli. 

Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda prova tal-konnessjoni bejn l-imputati mat-terza persuna li tgħid li ġie arrestat fl-ajruport fl-Italja bid-deheb misruq. Filfatt, għalkemm il-prosekuzzjoni tgħid li kien ittieħed ritratt tad-deheb li nstab fuq din it-terza persuna u ġie muri lid-derubati li għarfu l-ġiżirajjen tagħhom, dan ir-ritratt ma ġiex preżentat quddiem din il-Qorti, kif lanqas ma saret l-allegata identifikazzjoni ta’ dawn l-oġġetti mill-vittmi quddiem din il-Qorti.

Għalhekk, ladarba xejn minn dan ma tressaq quddiem il-Qorti, din il-Qorti ma tistax tieħu konjizzjoni tiegħu. Dan, jerġa jingħad, apparti l-fatt li l-prosekuzzjoni ma resqitx xrara ta’ prova li tista’ tagħmel konnessjoni sal-grad rikjest mill-liġi bejn l-imputati u dan it-terza persuna, li ismu baqa’ skonoxxut matul il-proċeduri.

Kif lanqas ma ressqet xi prova li l-imputati assoċjaw ruħhom ma’ persuni oħra biex jikkomettu xi reat f’Malta. Il-fatt waħdu li min kien fir-residenza temporanja tal-imputat ħarab meta waslu fuq il-post il-pulizija ma jistax iwassal għal konklużjoni, lil hinn minn kull dubbju raġonevoli, li l-imputati kienu assoċjaw ruħhom ma’ din il-persuna biex jikkomettu xi reat. 

Il-Qorti iddikjarat lill-imputati mhux ħatja.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport