Fi żjara fid-Dipartiment tad-Dijabete fl-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li s-servizz b’xejn tal-Continuous Glucose Monitoring se jiġi estiż għal persuni sa 23 sena li huma bid-Dijabete tat-Tip 1.
Dan il-proġett bla ħlas beda bħala proġett pilota madwar sena u nofs ilu fejn it-tfal u ż-żgħażagħ ta’ taħt is-16-il sena ġew offruti sistema tal-Continuous Glucose Monitoring biex iħarsu l-livell taz-zokkor fid-demm b’mod kontinwu, u huma, flimkien mal-ġenituri tagħhom, jiġu infurmati jekk ikun hemm xi problema fiz-zokkor.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li l-ewwel riżultati juru li s-sistema hija suċċess, mhux biss għax tnaqqas l-inkonvenjent u tagħti serħan il-moħħ, imma wkoll għax ir-riżultati tad-demm qed juru li r-rati ta’ kumplikazzjonijiet f’dawn it-tfal ħa tkun qed tonqos b’madwar 80%.
Matul is-sena li għaddiet kompliet tiżdied l-età ta’ nies eliġibbli għal din is-sistema bla ħlas, sa 21 sena, u issa din ġiet estiża għal sentejn oħra sa 23 sena. Fix-xhur li ġejjin din l-iskema se tkompli tiġi estiża biex eventwalment, il-pazjenti kollha bid-dijabete tat-Tip 1 ikunu koperti u jgawdu minn din is-sistema bla ħlas.
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li d-dijabete toħroġ l-aktar lill-anzjani, iżda dawk li jkollhom id-dijabete tat-Tip 1 tista’ taqbadhom minn meta jkunu żgħar, tant li hemm anki tfal bid-dijabete. Iżjed ma taqbdek id-dijabete żgħir, iktar importanti li l-livell taz-zokkor fid-demm jinżamm taħt kontroll għax inkella jistgħu jiżviluppaw kumplikazzjonijiet serji matul is-snin.
“Fl-aħħar xhur komplejna nestendu dan is-servizz u matul ix-xhur li ġejjin ħa nkomplu nestenduh biex il-pazjenti kollha bid-dijabete tat-Tip 1 jieħdu dan is-servizz bla ħlas ħalli nżommu r-rata ta’ kumplikazzjonijiet baxxa fil-pazjenti tagħna. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif it-teknoloġija fil-qasam tas-saħħa qed tagħmel il-ħajja tal-pazjenti tagħna ħafna aħjar”, qal il-ministru għas-saħħa.