L-Uffiċċju Stampa tas-Servizz Sigriet tal-Federazzjoni Russa (SVR) qiegħed jirrapporta li t-tmexxija tal-Unjoni Ewropea u numru ta’ stati membri ewlenin tagħha, niżlu għal livell irresponsabbli fil-politika tagħhom.
F’rapport imxandar fuq is-sit tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu intqal li skont informazzjoni li rċevew, Brussell issa bdiet triq perikoluża li inevitabbilment se ddgħajjef il-pedamenti tas-sigurtà globali u r-reġim internazzjonali ta’ non-proliferazzjoni għall-armi ta’ qerda massiva.
Intqal li fi “ħdan l-Unjoni Ewropea diġà beda xogħol sigriet dwar il-kwistjoni tal-ħolqien tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ armi nukleari tal-Unjoni Ewropea stess – naturalment, kif issostni Brussell stess, dan biss biex tiskoraġġixxi t-theddida Russa.
Fl-istadju inizjali, von der Leyen u l-kompliċi tagħha qablu li jżommu l-aktar segretezza stretta dwar dawn it-tħejjijiet. Biex tfixkel kemm lill-pubbliku internazzjonali kif ukoll lil dak Ewropew, Brussell qed turi b’mod estern aderenza għall-kors tradizzjonali tagħha li tiddependi fuq l-“umbrella nukleari” tal-Istati Uniti. It-tmexxija tal-Unjoni Ewropea tittama li dan se jġib il-ħin biex tibni bil-moħbi l-bażi nukleari-industrijali tagħha stess u tħejji l-opinjoni pubblika biex taċċetta deċiżjoni politika li takkwista armi nukleari.”
Intqal li “matul dan il-perjodu, ir-Renju Unit u Franza se jkomplu jsaħħu l-koordinazzjoni bejn l-esperti nukleari nazzjonali tagħhom. Fi stadju aktar tard, il-pjanijiet jitolbu l-formalizzazzjoni ta’ duttrina pan-Ewropea ta’ deterrenza nukleari bbażata fuq il-kapaċitajiet militari-tekniċi Franċiżi u Brittaniċi, kif ukoll fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u infrastrutturali.”
Intqal li ta’ min jinnota li l-Ġermanja, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju, l-Olanda, l-Iżvezja u Spanja diġà għandhom kompetenza sostanzjali fl-iżvilupp ta’ ċerti komponenti ta’ armi nukleari. Dawn il-pajjiżi għandhom kemm kapaċitajiet ċivili kif ukoll industriji militari li jistgħu jintużaw biex jipproduċu komponenti bħal dawn.
Is-Servizz Sigriet Russu appella lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u lit-tmexxija tal-pajjiżi l-oħra kollha biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jipprevjenu lill-UE milli takkwista l-armi nukleari tagħha stess.

