Wednesday, December 25, 2024

IS-SERVIZZI QEGĦDIN HEMM… IŻDA MHUX KULĦADD JUŻAHOM

Aqra wkoll

Ħafna drabi nisimgħu dwar il-problemi tas-saħħa mentali u sitwazzjonijiet estremi, b’ħafna jkunu dawk li jistaqsu x’qiegħed isir biex kemm jista’ jkun dawn is-sitwazzjonijiet jiġu indirizzati. Normalment ħafna jitħassbu dwar persuni li s-sitwazzjoni tagħhom ma tiġix indirizzata u li jaslu biex jagħmlu affarijiet li jkunu dannużi għalihom. Dan il-ħsieb xi kultant ikun żbaljat għaliex illum hemm l-għajnuna li persuna tista’ tfittex b’diversi modi. Barra minn hekk nemmnu wkoll li l-istigma li kienet iddawwar lil dawn il-persuni fl-imgħoddi meta kienu jispiċċaw emarġinati u f’xi każi anke moħbija mill-bqija tas-soċjetà llum inbidlet. L-għajnuna li tingħata f’sitwazzjonijiet ta’ saħħa mentali kibret, saret aktar avvanzata u immedjata.

Kif ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne wara li ġiet analizzata s-sitwazzjoni ta’ persuni li kienu qegħdin jużaw mezzi relatati mal-għajnuna tal-pandemija biex jiftħu qalbhom, saret ħidma biex tnieda helpline speċifikament għal din l-assistenza. Nemmnu li dan kien pass tajjeb, anke minħabba l-fatt li l-assistenza se tkun qiegħda tingħata minn professjonisti li ngħataw taħriġ adekwat għal dawn is-sitwazzjonijiet. Nemmnu wkoll li dan it-taħriġ ma jingħatax mil-lejl għal nhar, iżda jieħu ż-żmien. Għalhekk huwa tajjeb li l-gvern jibqa’ jinkoraġixxi u jinċentiva lil dawk li jesprimu x-xewqa li jidħlu fil-qasam hekk importanti tal-kura mentali. Mill-istess analiżi li saret f’dan il-perjodu kien innutat ukoll li kien hemm sitwazzjonijiet ta’ persuni li fittxew l-għajnuna anke barra mill-ħinijiet normali tant li servizzi oħrajn relatati rċevew numru ta’ talbiet għall-għajnuna anke billejl. Hawnhekk ninnutaw li fortunatament is-servizz tal-1579 se jkun disponibbli 24 siegħa kuljum, inkluż Sibtijiet u Ħdud.

Iżda għandna għaliex nitħassbu li minkejja li hemm dawn is-servizzi kollha offruti, mhux kull min huwa milqut mill-problema ta’ saħħa mentali qed ifittex l-għajnuna. Dan iġġagħlna nistaqsu għaliex dawn in-nies mhumiex ifittxu l-għajnuna. Ikun tajjeb li din il-problema tkun mistħarrġa u mogħtija l-ikbar attenzjoni. Wasal iż-żmien li dawk kollha milqutin minn mard mentali ma jibqgħux jiddejqu jersqu għall-għajnuna li jkollhom bżonn. Mingħajr dan il-pass min-naħa tagħhom, is-sitwazzjoni tagħhom tista’ tmur għall-agħar u jkun aktar diffiċli li jiġu kkurati.

Inħossu li huwa pożittiv ukoll u ta’ faraġ li hemm madwar 80% tal-każi ta’ persuni li jfittxu l-għajnuna li jfiqu minkejja l-isfidi kollha li jaffaċċjaw. Dan jawgura tajjeb biex is-sitwazzjoni tkompli tkun indirizzata kif xieraq. Madanakollu ma rridux ninsew jew inwarrbu li hemm madwar 20% li jkollhom bżonn aktar għajnuna u attenzjoni minħabba s-sitwazzjoni aktarx severa li jkunu fiha.

Għalhekk aħna nfaħħru d-deċiżjoni tal-gvern li jibni sptar ġdid għall-kura mentali qrib l-Isptar Mater Dei u b’hekk tiġi faċilitata l-kura għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Dawn is-servizzi flimkien ma’ oħrajn li diġà jeżistu u oħrajn li qed jiġu maħsuba huma kollha passi fid-direzzjoni t-tajba biex il-katina ta’ servizzi f’dan il-qasam tissaħħaħ u jintlaħqu dejjem aktar dawn il-persuni fil-bżonn tal-għajnuna.

Ekonomija

Sport