Mill-bieraħ, mill-binja Ċentru Ċensu Moran bdew jingħataw is-servizzi tal-Kura Primarja fejn madwar 800 pazjent irċevew trattament fl-ewwel 24 siegħa. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Matul is-sajf, iċ-Ċentru Ċensu Moran beda joffri numru ta’ servizzi ta’ out-patient. Fosthom, bdew is-servizzi ta’ podjatrija, fiżjoterapija, u klinika tal-mediċina respiratorja. Ġie introdott ukoll għall-ewwel darba s-servizz tal-immunoloġija fejn din il-klinika tiffoka fuq dijanjosi u kura ta’ mard relatat mas-sistema immunitarja bħal allerġiji, mard awtoimmuni u immunodefiċjenzi, fejn il-pazjenti jingħataw pjan personalizzat ta’ trattament skont il-bżonnijiet individwali tagħhom.
Il-Ministru sostna kif bir-rilokazzjoni taċ-Ċentru tas-Saħħa, Ċentru Ċensu Moran qed jespandi l-lista ta’ servizzi li qed jiġu offruti. Spjega li bħalissa qed jiġu offruti 38 servizz u li sal-bidu t’Ottubru is-servizzi offruti ser jkunu qed jitilgħu għal 52, hekk kif ser ikunu qed jiġu introdotti 14-il servizz ieħor. Il-Ministru kompla li bl-investiment li sar f’Ċentru Ċensu Moran ser iwassal għal titjib fis-servizz li l-pazjenti jingħataw permezz ta’ magni ġodda, filwaqt li se jkun qed joffri servizzi addizzjonali. “Dan ser jgħin biex nevitaw l-iskariġġ għan-nies milli jitilgħu Mater Dei u nkomplu nsaħħu s-servizzi fil-qalba tal-komunità,” tenna Dr Abela.
“Sodisfatt li dan iċ-Ċentru, anke kif jidher fl-ewwel siegħat, diġà qed iħalli l-frott tiegħu fejn qed jaqdi pazjenti f’ambjent modern, mgħammar b’tagħmir tal-ogħla livell. Inħares ’il quddiem fejn fil-ġimgħat li ġejjin ser jinfetħu żewġ teatri għall-operazzjonijiet (day surgery) li ser ikun kruċjali għall-kura tas-saħħa f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.