Wara żmien ta’ sorveljanza intensiva, inkluż żmien qasir ta’ grey listing, issettur Malti tas-servizzi finanzjarji f’fażi ġdida ta’ sofistikazzjoni. “Issettur laħaq punt fejn illum, l-enfasi strateġika hija aktar importanti mill-volum,” tgħid Dr BERNICE BUTTIGIEG, Kap ta’ l-Istrateġija ta’ FINANCE MALTA.
Fl-aħħar snin, l-industrija finanzjarja f’Malta żviluppat livelli uniku ta’ sofistikazzjoni li ppermetta aktar ikkukar fuq niċeċ partikolari strateġiċi u titjib ta’ ċerti servizzi li jpoġġu lill-pajjiż fuq livell iżjed globali.
Dr Buttigieg ilha ma’ FinanceMalta mill-2008 u laħqet Chief Strategy Officer fl-2023. Dan jagħtiha perspettiva diretta ta’ kif evolva s-settur finanzjarju f’Malta.
Skontha, il-perjodu qasir ta’ sorveljanza regolatorja wasslet għal titjib fuq diversi fronti, mill-aspett ta’ konformità sa prattiki superviżorji u riformi leġiżlattivi, li servew biex Malta setgħet terġa’ tibda’ turi l-ħiliet tagħha fuq livell internazzjonali.
“Il-grey listing ta’ Malta serva ta’ katalist li ġiegħlna nsaħħu l-aspetti ta’ trasparenza u governanza biex sa fl-aħħar, erġajna bdejna nsaħħu l-kredibilità tagħna,” spjegat Dr Buttigieg.
FinanceMalta, inizjattiva pubblika u privata li tippromwovi ‘l Malta bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, kellha rwol ċentrali fit-tisħiħ tal-profili ta’ Malta barra minn xtutna. Illum, is-settur iħaddem madwar 16,450 professjonist u jikkontribwixxi madwar 8.2% tal-valur gross domestiku totali ta’ Malta. Fl-2024, is-settur ikkontribwixxa €1.74 biljun, żieda ta’ 37.8% mill-€1.26 biljun reġistrati fl-2020.
Żvilupp ewlieni kien it-twaqqif tal-Malta Financial Services Advisory Council (MFSAC) fl-2021 sabiex jimplimenta strateġija fit-tul għas-settur. Sa mit-twaqqif tiegħu, madwar tliet kwarti tal-proġetti f’din l-istrateġija li tinkludi l-qasam bankarju, ta’ l-assigurazzjoni, finanzjament diġitali, funds u pensjonijiet, tlestew jew kważi tlestew.
L-istrateġija għenet ukoll sabiex naqqset il-frammentazzjoni fl-ekosistema biex b’hekk hemm iżjed allinjament mal-politika regolatorja, mar-riformi leġiżlattivi u l-prattiċi industrijali. Inizjattivi jinkludu leġiżlazzjoni dwar il-leasing tal-ajruplani u t-titjib tar-regolamenti dwar trusts, kollha allinjati ma’ livelli internazzjonali.
“Ir-riżultati ta’ din l-istrateġija qed isiru iżjed evidenti,” kompliet tispjegat Bernice Buttigieg.
“Il-konferenza annwali ta’ FinanceMalta, f’Novembru li għadda, kienet riflessjoni ta’ industrija iktar konvinta u miftuħa minn qatt qabel. Id-diskussjonijiet koprew fintech, l-ESG, l-intelliġenza artifiċjali u strutturi ta’ private wealth u wrew livell ta’ maturità u għarfien iżjed minn qatt qabel.”
Illum, minflok tkabbir wiesa’ Malta qed tiffoka fuq speċjalizzazzjoni ta’ ċerti niċeċ partikolari. Il-fintech jibqa’ prijorità, speċjalment il-leġiżlazzjoni bikrija Virtual Financial Assets Act, filwaqt li qed tiżdied il-konformità ma’ frameworks Ewropej bħal MiCA (Markets in Crypto-Assets Regulation) u d-Digital Operational Resilience Act.
“Il-ħolqien ta’ iżjed innovazzjoni kif ukoll standards ogħla ta’ governanza u reżiljenza operattiva jibqgħu ċentrali biex inkomplu nħarsu l-fiduċja tal-investituri.”
Fil-qasam tal-fondi u asset management, Malta tkompli tuża drittijiet ta’ EU passporting, b’żviluppi bħal AIFMD II li jintroduċu aktar flessibilità. Fondi alternattivi domiċiljati f’Malta issa jistgħu iħaddmu depositaries f’stati oħra tal-UE, speċjalment fejn is-servizzi lokali jistgħu ikunu għadhom limitati.
Qed tingħata wkoll iżjed attenzjoni lil strutturi ta’ private wealth u family offices fejn ir-riformi regolatorji issa qed jappoġġjaw it-twaqqif ta’ single family offices taħt superviżjoni proporzjonata, kompluta b’inċentivi fiskali biex jattiraw iżjed talent.
Il-qasam tal-captive insurance u reinsurance qed isiru ċentrali wkoll – fattur li qed ikomplu jkabbar il-potenzjal diġa b’saħħtu tas-suq Malti ta’ l-assigurazzjoni.
“M’aħniex qed infittxu l-volum imma l-ħolqien ta’ ekosistema kompetittiva appoġġjata minn infrastruttura b’saħħitha,” kompliet tgħid Dr Buttigieg.
Fil-qalba ta’ dawn l-iżviluppi kollha hemm il-kunċett li prestazzjoni tajba biss mhiex biżżejjed.
“Il-perċezzjoni hija kritika. Kritika li kellna fil-passat wassalna biex niksbu aktar trasparenza u governanza aħjar. L-impenn kollettiv stabbilit mill-MFSAC jirrifletti impenn komuni sabiex intejjbu l-kredibilità fit-tul. L-ambizzjoni tagħna hi li Malta ssir ċentru sofistikat u affidabbli tal-finanzi globali.”
Din il-ġimgħa, Malta għadha kemm ospitat l-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-World Alliance of International Financial Centres (WAIFC).
“Minbarra li personalment, dan kien mument importanti għalija bħala membru tal-WAIFC Board, li lqajna dan l-avveniment kienet unur kbir għal Malta u wera li l-isforzi kollettivi tagħna biex insaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta qed iwasslu għal riżultati pożittivi,” żiedet Dr Buttigieg.
Hija konvinta li bħalissa, l-istrateġija ta’ Malta qed turi ġuriżdizzjoni li evolviet ħafna.
“Malta għamlitha ċara li tgħallmet mill-isfidi tal-passat u llum, il-pajjiż mhux qed jimmira li jkun l-akbar ċentru finanzjarju, imma wieħed kredibbli, sofistikat u affidabbli. Jekk dan il-messaġġ jasal, se nkomplu nirnexxu,” temmet Dr Buttigieg.



