Wednesday, October 1, 2025

IS-SETTUR TAL-ANZJANITÀ HUWA TA’ PRIJORITÀ GĦAL GVERN

Aqra wkoll

Illum niċċelebraw il-Jum Internazzjonali tal-Anzjani. In-Nazzjonijiet Magħquda qed timmarka din il-ġurnata speċjali billi tħeġġeġ lill-pajjiżi biex jiġbdu l-attenzjoni u jisfidaw l-isterjotipi negattivi u l-kunċetti żbaljati dwar l-anzjani u x-xjuħija, u biex jippermettu lill-persuni anzjani jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom.

Dan il-jum li ntgħażel waqt Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda f’Ottubru tal-1990 għandu l-iskop li jiżdied l-għarfien dwar l-impatt li jkollok popolazzjoni li qed tixjieħ. Irridu li n-nies fis-soċjetà jkunu jistgħu jixjieħu b’dinjità. Minbarra l-affarijiet meraviljużi li l-anzjani jġibu f’ħajjitna, ġurnata mwarrba biex tonorahom tfakkarna biex nieħdu l-ħin biex inkunu ġentili u umli fil-preżenza ta’ ħajja twila li ngħixuha tajjeb.

Mhux darba jew tnejn li enfasizzajna dwar l-importanza tal-anzjanità attiva u anke dwar it-titjib li sar u qed isir f’dawk li huma djar residenzjali għall-anzjani mhux l-inqas iċ-ċentri li qed jinfetħu fil-komunità fejn dawn il-persuni jkunu twieldu, trabbew u għexu.

Ma nistgħux ma nsemmux għajnuniet oħra li qed jingħataw l-anzjani bħalma huma ż-żidiet fil-pensjonijiet, iż-żieda fis-sena fl-iskema tal-Carer at Home u l-ftuħ ta’ tmien ċentri ġodda tal-anzjanità attiva. 

Dak kollu li sar diġà f’dan il-qasam jagħtina għax nifhmu li l-Gvern se jistimula aktar l-anzjanità attiva billi jkompli jintroduċi inċentivi f iskali u finanzjarji biex jinkoraġġixxi lil dawk li jixtiequ jibqgħu attivi anke wara li jilħqu l-età tal-irtirar.

Dan mhux biss se jħalli impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li minbarra pensjoni jkollhom ukoll dħul addizzjonali iżda wkoll iħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija talpajjiż.

Nemmnu għalhekk li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jiżgura sistema tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani sostenibbli u effettiva billi jsostni l-manutenzjoni tal-faċilitajiet attwali tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani kif ukoll jinvesti f’faċilitajiet ġodda fi sforz biex ikunu mminimizzati l-listi ta’ stennija, filwaqt li jaħdem biex jiżgura servizz ta’ kwalità għall-anzjani kollha.

Nemmnu wkoll li sinjali ta’ kemm dan is-settur huwa ta’ prijorità se jkunu qegħdin jingħataw ukoll fil-Budget li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn 27 ta’ Ottubru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport