Sunday, December 22, 2024

IS-SETTUR TAL-GAMING GĦADU B’SAĦĦTU? 

Aqra wkoll

Is-settur tal-gaming f’pajjiżna kien, għadu u se jibqa’ b’saħħtu. Dan kien ikkonfermat mill-attendenza kbira li kien hemm waqt is-summit ta’ SiGMA, li attira taħt saqaf wieħed ‘il fuq minn 25,000 delegat u 1,000 eżebitur minn bosta pajjiżi differenti f’Malta. 

Il-fatt li din il-fiera, li hija waħda mill-akbar li jiġu organizzati fl-industrija tal-gaming madwar id-dinja kollha, għal darba oħra saret f’pajjiżna, turi kemm Malta qed isservi wkoll ta’ ċentru ta’ eċċellenza għad-dinja f’din l-industrija.

Minbarra f’hekk, din hi xhieda wkoll tal-fiduċja li għandhom f’Malta il-kumpaniji tal-gaming. Kuntrarju għall-biża’ jew kritika li pprovaw iwasslu xi wħud illi dan is-settur qed imajna jew li l-kumpaniji qegħdin jitilqu mill-pajjiż. 

Tajjeb li nsemmu li Malta hija l-għażla ta’ 351 kumpanija tal-gaming, li jfissru madwar 16,000 karriera f’dan is-settur. Minbarra f’hekk, l-industrija tal-gaming qiegħda tkompli tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, bil-valur miżjud tas-settur ilaħħaq id-9.2% tal-valur miżjud totali f’pajjiżna fl-2022.

Jekk wieħed jinkludi l-effett indirett ta’ din l-industrija, il-kontribut ekonomiku ta’ din l-industrija jitla’ sa 12.4% tat-total tal-valur miżjud fl-2022. Dawn huma numri li ma jaqgħux mis-sema. Jiġu mhux biss b’ħidma intensa mill-awtoritajiet kompetenti imma wkoll mill-fatt li pajjiżna huwa attraenti biżżejjed biex jattira aktar niċeċ ekonomiċi ta’ dan it-tip għaliex għandu l-infrastruttura meħtieġa. 

Dan is-settur jirrifletti għalhekk l-politika mħaddma mill-Gvern biex jiġbed aktar investiment ta’ kwalità lejn pajjiżna li permezz tiegħu mhux biss jiġu jinħolqu aktar opportunitajiet għal karrieri ta’ kwalità imma wkoll li tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna sabiex b’hekk ikomplu jiġu sostnuti fl-familji u n-negozji. 

Konvinti għalhekk li l-budget għas-sena d-dieħla se jkompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar f’dan il-qasam, fosthom bl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tal-esports u inizjattivi simili oħrajn bil-għan li l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp tal-logħob diġitali jkompli jikber u jissaħħaħ.

Ekonomija

Sport