Is-settur tal-iGaming f’pajjiżna huwa wieħed li baqa’ konsistenti, reżiljenti u jibqa’ jattira stakeholders internazzjonali f’pajjiżna. Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriżi u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, waqt il-ftuħ uffiċjali tal-SBC Summit illum f’San Ġiljan.
Is-Summit laqqa’ flimkien stakeholders ewlenin fl-industrija tal-iGaming, li bejniethom huma l-futur ta’ dan is-settur dinamiku. L-avveniment attira madwar 5,000 delegat, li għal darb’oħra jikkonferma r-rilevanza ta’ Malta, mhux biss fil-qasam regolatorju ta’ din l-industrija, iżda wkoll bħala pjattaforma għall-innovazzjoni, l-iżvilupp tat-talent u t-tkabbir ekonomiku.
Fil-ftuħ tas-Summit, il-Ministru Silvio Schembri enfasizza r-rwol strateġiku tal-industrija tal-iGaming fid-direzzjoni ekonomika ta’ Malta u kif dan jorbot mal-Viżjoni Malta 2050.
“L-iGaming f’Malta mhuwiex biss sors ta’ tkabbir ekonomiku – iżda wkoll sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Bħala parti minn Viżjoni Malta 2050, impenjati li nżommu lil pajjiżna fuq quddiem nett tat-trasformazzjoni diġitali. L-għan tagħna hu li noħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex l-industrija tkompli tiffjorixxi permezz tal-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u progress inklużiv li jibbenefika lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Ministru tenna wkoll li s-sena li għaddiet, is-settur tal-iGaming ikkontribwixxa kważi 7% tal-Valur Miżjud Gross (GVA) ta’ Malta, li juri s-saħħa kontinwa tiegħu f’ekonomija dejjem aktar varjata.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ GamingMalta, Ivan Filletti, faħħar ir-rwol ta’ Malta fil-qasam tal-iGaming. “L-SBC Summit ikompli juri li Malta għandha rwol ċentrali fl-industrija tal-iGaming. Dak li jiddistingwina huwa l-ekosistema li ħloqna – qafas regolatorju b’saħħtu, aċċess għal talent imħarreġ, u kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-industrija u l-gvern. L-iGaming sar parti fundamentali mill-ekonomija diġitali tagħna, u qed niffukaw fuq tkabbir sostenibbli u innovattiva.”
Is-Summit jirrifletti wkoll l-ambizzjonijiet ta’ pajjiżna riflessi fil-Viżjoni Malta 2050, li tqiegħed l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u s-setturi ta’ valur għoli fil-qalba tat-trasformazzjoni ekonomika tal-pajjiż, fost oħrajn billi nkomplu naġġornaw il-qafas regolatorju, inħeġġu l-innovazzjoni diġitali – fosthom l-AI u teknoloġiji immersivi – u noħolqu attrazzjoni ta’ talent kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
L-SBC Summit Malta juri l-impenn kontinwu ta’ pajjiżna lejn is-settur tal-iGaming. Bi storja b’saħħitha, ekosistema li taħdem u viżjoni fit-tul ċara, Malta tkompli tpoġġi lilha nnifisha fuq quddiem f’dan is-settur.