Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza attività kommemorattiva fl-okkażjoni tat-30 anniversarju ta’ Thermoplastics Ltd f’Malta, fejn sellem il-ħidma, il-viżjoni u r-reżiljenza li wasslu biex din il-kumpanija ssir storja ta’ suċċess fil-qasam tal-manifattura f’pajjiżna.
Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru rrimarka li s-settur tal-manifattura huwa wieħed li joħloq karrieri u opportunitajiet għal ħafna ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Dr Abela nnota li pajjiżna laħaq tragward importanti meta rreġistra l-ogħla rata ta’ impjiegi fl-Unjoni Ewropea, frott deċiżjonijiet strateġiċi li ttieħdu tul dawn l-aħħar snin. Huwa żied jgħid li l-manifattura baqgħet toħloq impjiegi, baqgħet kompetittiva u mistenni li tkompli tgħolli l-livell tal-kwalità. Fl-istess waqt huwa ta ġieħ lil dawk kollha li jaħdmu bla heda biex jiġġeneraw suċċess f’settur tant importanti għall-ekonomija Maltija.
Il-Prim Ministru nnota kif din il-kumpanija espandiet l-operat tagħha lill hinn minn xtutna, fir-reġjun tal-Mediterran u rnexxielha tibni netwerks kummerċjali ma’ kumpaniji kbar internazzjonali. Qal li dan juri biċ-ċar il-potenzjal tal-intrapriża Maltija meta tkun imsaħħa b’viżjoni, bl-investiment neċessarju u bi tmexxija serja.
Dr Abela rrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li tħares lejn il-manifattura bħala pilastru ta’ eċċellenza biex pajjiżna jibqa’ jipproduċi u jesporta prodotti ta’ kwalità magħmula fil-fabbriki tagħna, filwaqt li jsaħħaħ il-pożizzjoni globali ta’ pajjiżna. Huwa żied jgħid li din il-viżjoni hija possibbli għaliex Malta għandha ekonomija b’saħħitha li tagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà meħtieġa biex in-negozji jkomplu jinvestu u jespandu.
Huwa tenna li ċ-ċertifikati pożittivi li l-ekonomija Maltija qed tibqa’ tirċievi minn aġenziji internazzjonali tal-kreditu u minn istituzzjonijiet bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali jkomplu jsaħħu l-kapaċità tal-Gvern li joffri sostenn konkret lin-negozji, b’mod partikolari permezz tas-sussidju fl-elettriku.
Il-Prim Ministru sostna li, waqt li fabbriki madwar l-Ewropa qed jiffaċċjaw inċertezza kbira u f’ċerti każijiet qed jintalbu jnaqqsu jew iwaqqfu l-operat tagħhom f’ċerti ħinijiet, f’Malta l-Gvern se jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u jagħti s-serħan il-moħħ lin-negozji biex ikomplu jikbru u jespandu. Qal li Malta hija l-uniku pajjiż Ewropew li żamm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija matul dawn l-aħħar erba’ snin minkejja l-isfidi internazzjonali, b’investiment li laħaq il-biljun ewro biex isostni lill-familji u lin-negozji.
Fl-istess waqt, il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern se jkompli jinċentiva ż-żewġ trasformazzjonijiet ewlenin li jridu jkomplu jmexxu ’l quddiem l-industrija, dik diġitali u dik ambjentali. Dr Abela rrimarka li Thermoplastics diġà qed turi impenn qawwi lejn is-sostenibbiltà, fosthom permezz tal-użu ta’ materjal tal-plastik riċiklat. Huwa spjega li l-qalba ambjentali mhijiex biss sfida, iżda opportunità. Fl-istess waqt il-qalba diġitali hija wkoll ċans ieħor biex il-manifattura tkompli tevolvi. Qal li għalhekk huwa essenzjali l-investiment fil-ħiliet u fl-aqwa teknoloġija, mhux biex it-teknoloġija tieħu post il-ħaddiema, iżda biex tikkumplimenthom.
Il-Prim Ministru Abela temm billi rringrazzja lill-management u lill-ħaddiema kollha ta’ Thermoplastics tas-sehem tagħhom matul dawn it-30 sena, filwaqt li assigura lill-kumpanija li f’Malta se tibqa’ ssib stabbiltà u serħan il-moħħ biex tkompli miexja ’l quddiem.
Fl-okkażjoni tkellem ukoll il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri li saħaq li l-investiment fit-teknoloġiji avvanzati bħall-awtomazzjoni u t-3D printing juri li Thermoplastics qed tħares ’il quddiem u tinvesti fil-futur. “Dan huwa eżatt il-mudell ta’ negozju li rridu naraw f’pajjiżna, mudell li jimxi id f’id mal-Viżjoni Malta 2050. B’dan il-mod, qed nassiguraw li l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà jkunu l-elementi ewlenin għal ekonomija li tkompli toħloq impjiegi ta’ kwalità u valur miżjud,” qal il-Ministru Schembri. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli.
Thermoplastics Ltd timpjega aktar minn 250 persuna f’Malta u fit-Tuneżija, u tipprovdi prodotti lill-klijenti kemm lokali kif ukoll barranin fis-setturi tal-ġugarelli, tal-karozzi, tal-ismart technologies, kif ukoll tal-kostruzzjoni.

