Thursday, November 7, 2024

IS-SETTUR TURISTIKU GĦAL-LUM U GĦALL-ĠEJJIENI

Aqra wkoll

Is-settur turistiku f’Malta qed jikber b’ritmu mgħaġġel aktar milli kien mistenni u fix-xhur li ġejjin mistennija naraw żieda qawwija fil-wasliet tat-turisti f’pajjiżna. Dan huwa importanti ħafna għal dak li bosta ekonomisti jikkunsidrawh bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija.

Il-fatt li tnaqqsu r-restrizzjonijiet li kienu imposti minħabba l-pandemija tal-Covid-19, dan qed jgħin sabiex tiżdied il-fiduċja f’pajjiżna mit-turisti li jiġu jżuruna. Iżda ż-żieda hija wkoll attribwita għall-azzjoni li ħa l-Gvern tul dawn l-aħħar xhur fejn ukoll ġew imwaqqfin niċeċ ġodda turistiċi. 

Sabiex dan is-settur ikompli jikber b’mod sostenibbli, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’Diċembru li għadda ppreżentat strateġija ġdida sas-sena 2030. Din l-istrateġija ambizzjuża għandha l-għan ukoll li tħares lejn l-evoluzzjoni tal-industrija sabiex tkun waħda effettiva għal żmien twil. Dan filwaqt li tagħti importanza wkoll lill-gżira Għawdxija, bħala sors importanti ta’ turiżmu.

U bħala parti minn dan il-process ta’ tisħiħ tas-settur turistiku Malti, il-Gvern investa kemm felaħ u se jkompli jagħmel dan sabiex il-livell jibqa’ jogħla u fuq kollox jagħti esperjenza pożittiva lil dawk li jiġu jitpaxxew b’dak li jafu joffru l-gżejjer Maltin. 

L-infrastruttura turistika kienet parti importanti mill-pjan ta’ rkupru ta’ pajjiżna hekk kif, matul ix-xhur li għaddew, il-Gvern ħadem fuq diversi proġetti. Iżda dan huwa parti biss minn proċess sħiħ ta’ tisħiħ meħtieġ biex dan is-settur ikompli jikber. Waħda mill-akbar sfidi li trid tigi indirizzata hija bla dubju l-problema ta’ riżorsi umani. Problema li mhux faċli ssolviha billi tirrikjedi mhux biss kwantità imma aktar u aktar kwalità. Sfida li nifhmu li l-Gvern se jindirizza biex isservi mhux biss għal-lum imma wkoll għall-ġejjieni.

Dan huwa pass importanti u kuraġġjuż meta wieħed jikkunsidra l-ambizzjonijiet li l-Gvern irid jilħaq biex pajjiżna jkollu settur turistiku ta’ eċċellenza. 

Sport