Saturday, December 21, 2024

Is-settur turistiku huwa iktar minn żidiet fiċ-ċifri iżda dwar kif bih insostnu l-ġid li jinħoloq

Il-PM preżenti għat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-proġett tal-Hard Rock Hotel Malta

Aqra wkoll

Is-settur turistiku mhuwiex biss żieda fin-numru ta’ turisti, iżda huwa qasam li jwassal għal progress soċjali u li bih inkomplu nixprunaw l-iżvilupp sostenibbli li huwa ta’ ġid għal pajjiżna. Hekk saħaq il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel waqt it-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-proġett tal-lukanda Hard Rock Hotel Malta flimkien ma’ kumpless tal-ospitalità f’San Ġiljan. Waqt il-bidu ta’ investiment privat ta’ €300 miljun, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif l-investiment ta’ kwalità jrid iwassal biex inkomplu ngħollu l-prodott turistiku li joffri pajjiżna.

Dr Abela spjega li pajjiżna rkupra b’mod tajjeb mill-pandemija wara impatt dirett fuq it-turiżmu u llum qed nitkellmu fuq dħul iġġenerat minn din l-industrija li qed jiġi stmat li sal-aħħar tas-sena jlaħħaq it-€3 biljun. Saħaq iżda li mhux iċ-ċifri biss li jgħoddu, iżda l-importanza tal-kwalità fit-turiżmu fejn b’inqas wasliet, pajjiżna xorta jista’ jiġġenera valur b’saħħtu. Il-Prim Ministru qal li investiment privati jgħinu favur direzzjoni b’enfasi fuq il-kwalità u l-gvern jappoġġja dak li fih jirrenja r-rieda t-tajba.

Il-Prim Ministru spjega li r-riżultati minn swieq differenti huma inkoraġġanti, fosthom mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit, u qal li pajjiżna qed jimxi lejn direzzjoni biex jattira turisti li jfittxu esperjenza unika. “Fiduċjużi li Malta u Għawdex kapaċi jagħtu iżjed prodott ta’ kwalità lit-turisti,” qal il-Prim Ministru, hu u jinnota kif biex nimxu lejn kwalità rridu nassiguraw li nibqgħu nattiraw lejna investimenti ta’ valur u li jagħtu isem lejn dak li joffri pajjiżna.

Qal li l-appoġġ tal-gvern se jibqa’ permezz ta’ investiment fl-infrastruttura u tkabbir sostenibbli li jkompli jinjetta saħħa fit-turiżmu u fil-qasam tal-ospitalità anke billi jogħlew l-istandards. Il-Prim Ministru spjega li hekk inkomplu nagħtu futur lil dan il-qasam li dejjem kien importanti għal pajjiżna u nieħdu mit-turiżmu l-aqwa ġid għall-Maltin u l-Għawdxin.

Ekonomija

Sport