Sunday, August 10, 2025

“Is-sewwieq kien taħt l-influwenza qawwija tal-alkoħol…” jibqa’ jinżamm arrestat

Raġel jitressaq il-qorti dwar l-inċident li seħħ fi Triq il-Kanun f’Santa Venera

Aqra wkoll

Abdi Salaan Mahamad Abdidon Ali, tressaq b’arrest quddiem il-Qorti fejn ġie mixli fost l-oħrajn b’sewqan perikoluż wara li kien hu li allegatament kien qed isuq il-karozza li baqgħet dieħla f’ħanut tax-xagħar fi Triq il-Kanun f’Santa Venera.

L-Ispettur Nathan Bugeja li mexxa l-Prosekuzzjoni qal fil-Qorti kif l-imputat ġie arrestat. Qal li fis-7 ta’ Awwissu li għadda għall-ħabta tat-8.00am, il-pulizija kienet informata li taxi tal-y plate kienet involuta f’ħabta fejn il-karozza daħlet f’binja.

Hekk kif il-pulizija marru fuq il-post sabu li l-unika persuna li sofriet xi ġrieħi kien l-imputat innifsu. Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar osservazzjoni u dam hemm jumejn.

Fl-istess ħin inħareġ mandat ta’ arrest. L-Ispettur qal li l-imputat kien jidher li kien taħt l-influwena tal-alkoħol. Hu ngħata ċans biex jitkellem ma’ avukat tal-fiduċja tiegħu fejn fil-fatt tkellem mal-avukat Mark Mifsud Cutajar li serva bħala avukat tal-għajnuna legali.

Wara li tkellem mal-avukat hu aċċetta li jsiru t-test tal-alkoħol u kien hawn li rriżulta li kien 107.3 per 100 milliliters “li hu ammont għoli ħafna…”

Il-prosekuzzjoni qalet li hu ġie rilaxxat ilbieaħ u minnu fih kien informat li kien jinsab taħt arrest.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi. Qalet li għalkemm hu minnu li ma jafx lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni, jaf li s-sid tal-ħanut inkwistjoni jista’ jsibha hemm u fl-istqarrija tiegħu qal lill-Pulizija li jixtieq ikellimha biex jiskuża ruħu magħha. 

Minbarra f’dan il-Prosekuzzjoni qalet li n-natura tal-akkużi miġjuba kontra l-imputat huma serji ħafna. Fl-istess ħin qalet li għalkemm l-indirizz reġistrat tiegħu huwa f’San Pawl il-Baħar irriżulta li fil-fatt il-passport u l-affarijiet personali tiegħu nstabu f’indirizz ieħor fil-Ħamrun.

l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Dr Giannella Camilleri Busuttil ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Nathan Bugeja filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Martin Fenech assista lill-imputat. Preżenti fl-awla kien hemm ukoll il-parte civile.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport