Monday, May 13, 2024

“Is-sewwieqa jridu jiftakru li l-anzjani huma aktar fraġli”

Żieda fil-persuni mexjin milquta minn karozza… 20% ta’ dawk li nqatlu kienu anzjani

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li ftit tal-jiem ilu raġel ta’ 81 sena ntlaqgħat minn karozza f’Ħal Luqa, il-Kummissarju għall-Anzjani, Alexander Attard, ried iqajjem għarfien u jindirizza lis-sewwieqa biex ikunu aktar sensibbli lejn il-vunerabbità tal-anzjani tagħna mexjin fit-toroq. Filwaqt li ġibed l-attenzjoni li fl-aħħar snin żdied in-numru ta’ persuni mexjin milquta minn karozza, huwa kkwota statistika li turi li 20% ta’ dawk li nqatlu kienu proprju persuni anzjani.

F’intervista ma’ IT-TORĊA Attard sostna li, “anzjani mexjin qegħdin f’riskju akbar ta’ korriment fit-toroq tagħna. Huwa importanti li nqajmu għarfien li persuni mexjin li għandhom aktar minn 60 sena, huma wkoll aktar probabbli milli jsofru ġrieħi gravi. Hemm numru ta’ raġunijiet għaliex l-persuni tat-tielet età huma aktar suxxettibbli għall-korrimenti fit-toroq. Bħala regola dawn jimxu aktar bil-mod minn persuni iżgħar kawża ta’ aspetti fiżjoloġiċi, bidliet fil-ġisem tagħhom u kundizzjonijiet mediċi assoċjati, bħall-artrite. Għalhekk, spiss jiġri li dawn ma jkunux jistgħu jżidu l-pass tagħhom jekk ikunu meħtieġ li jagħmlu dan f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”.

Fatturi addizzjonali li jżidu r-riskju u ż-żieda fit-traffiku

Il-Kummissarju għall-Anzjani żied jispjega li huwa aktar probabbli li l-anzjani jkollhom viżta difettuża, nuqqas ta’ smigħ u anke r-riflessi tagħhom jistgħu jkunu inqas effettivi. Barra minnhekk, għadd ta’ anzjani mhumiex sodi fuq saqajhom u b’hekk, huwa aktar probabbli li jitfixklu u jaqgħu jekk jgħaġġlu waqt li jkunu qegħdin jaqsmu t-triq. Gradi differenti ta’ dimensja jistgħu jirriżultaw f’imġieba mhux mistennija, li tista’ tkun fattur addizzjonali biex iżid ir-riskju tagħhom.

“Dawn il-fatturi kollha huma iżjed aggravati meta tiftakar fil-volum li dejjem jiżdied ta’ traffiku fit-toroq tagħna kif ukoll is-sabar min-naħa tas-sewwieqa li ħafna drabi jibdew idoqqu l-ħorn biex jgħaġġlu lin-nies waqt li jkunu qegħdin jaqsmu. Dan jista’ jwassal għal stress fuq l-anzjani li jkunu mexjin bil-konsegwenza li jiddiżorjentaw ruħhom u jweġgħu,” insista Attard.

B’dawn il-fatturi kollha huwa saħaq li s-sewwieqa jridu dejjem jiftakru li l-anzjani huma aktar fraġli u li jistgħu jweġġgħu serjament anke wara li jintlaqtu b’veloċità li tkun relattivament baxxa.

Ma jiddependix mis-sewwieqa biss…

“Ta’ min jgħid ukoll li l-persuni anzjani mexjin għandhom ukoll jagħtu sehemhom min-naħa tagħhom stess fit-tnaqqis ta’ inċidenti u korrimenti. L-anzjani jeħtieġ li jkunu konxji tal-limitazzjonijiet tagħhom stess u għandhom jippjanaw il-vjaġġ tagħhom fl-aħjar mumenti tal-ġurnata,” ippreċiża l-Kummissarju għall-Anzjani.

Huwa elenka lista ta’ azzjonijiet preventivi biex ikunu evitati tali inċidenti fosthom li l-anzjani mexjin fit-toroq, kull meta jkun possibbli, għandhom jużaw il-pelican u ż-zebra crossings; refferibbilment jevitaw li jimxu waħedhom u jistennew li jaqsmu t-toroq ma’ persuni oħra bil-għan li jżidu l-viżibilità tagħhom. Dan b’mod partikolari f’toroq traffikużi. L-ilbies ikkulurit u li jirrifletti jgħin ukoll.

“Jidher ċar minn dak li qegħdin inqajmu għarfien dwaru li l-persuni anzjani mexjin huma partikolarment vulnerabbli meta jkunu qegħdin jimxu fit-triq. Ħafna minn dawn il-punti huma ovvji u loġiċi iżda, ħafna drabi, huma minsija. Għalhekk qiegħed isir appell lis-sewwieqa kollha biex iqisu l-fatturi li qegħdin insemmu meta jkunu qegħdin isuqu. Huwa importanti li lkoll naħdmu biex nevitaw li l-anzjani ma jsirux parti minn statistika kerha,” wissa dan il-Kummissarju għall-Anzjani.

Min-naħa tiegħu Alexander Camilleri temm jgħid li jekk ilkoll neżerċitaw aktar attenzjoni u kawtela fit-toroq, l-istaġun tal-festi jibqa’ perjodu ta’ ċelebrazzjoni u mhux wieħed ta’ traġedji li, b’attenzjoni, jistgħu faċilment jiġu evitati.

Sport