Wednesday, July 24, 2024

“Is-sħab mhux fl-ajru biss qegħdin” – Etienne Buttigieg

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Li ma kinitx l-arti kieku llum min jaf x’sar minni, f’ħajti ġarrabt ħafna u ltqajt ma diversi karattri differenti. Meta kont għadni student kont bniedem kompletament differenti, moħħ ir-riħ b’kollox u ma naħsibx fil-konsegwenzi. L-iskola qatt ma ridt naf biha ħlief l-arti u għalhekk kont nagħmel minn kollox biex waqt lezzjonijiet oħra nidħol fi klassijiet oħra tal-arti. Sfortunatment il-vizzju tad-droga rrovinali żgħożiti u saħansitra spiċċajt nisraq biex inmantni l-vizzju.

Ovjament minn hemm bdew ir-rapporti u aktar ’il quddiem kawżi l-Qorti. L-ommi u lil missieri kissirthom dak iż-żmien. Darba fost l-oħrajn iltqajt ma’ Wayne waqt li konna klikka żgħażagħ u jien anke fil-ħin liberu kont mix-xejn inħarbex xi ħaġa. Ħarbixt biċċa quddiemu u tant għoġbitu li mar penġiha. Xtaqt nibda imma ma kellix flus, hu xtaq jinvesti fija imma jien kont nibża’. Wayne ġej minn familja tat-tajjeb u għalih jien kont investiment tajjeb, iżda jien kont naraha mod ieħor.

Etienne Buttigieg magħruf aħjar bħala t-Tetinu u Wayne Briffa minn Tetinu Tattoo & Piercing

Ironikament bdejt nipprattika l-linka fuq missieri li tant kien kontra u dak iż-żmien mlejtu kollu demm. Minn hemm ma’ ħaristx lura u għalkemm għall-bidu kelli ftit klijenti u kont erġajt waqajt għall-vizzju b’dak li kont naqla’, meta tkellimna bis-serjetà u bdejna bi sħab jien u Wayne ma stajtx nimmisja għax kont inniżżel lilu miegħi. Ma ħarisniex lura u minn hemm ’il quddiem dejjem kburin bl-isem li ksibna u anke l-fatt li ħallejna l-marka tagħna fuq numru ta’ personalitajiet rinomati anke fuq livell internazzjonali għalina tfisser ħafna.

Nappella lil kull min jinsab fit-triq tan-niżla biex jiggranfa ma’ l-ewwel xaqq ta’ dawl. Illum hawn ħafna għajnuna u bħalma għamilt il-bidla jien li kont prattikament fil-qiegħ jista’ jagħmilha kulħadd. Fuq il-ħbieb, faċli tgħid dak sieħbi imma ftit huma dawk li verament huma ħbiebek… ħbiebek issibhom hemm ftit-tajjeb u l-ħażin mhux fil-mument tal-glorja biss”

Ekonomija

Sport