Fil-jiem li ġejjin il-gżejjer Maltin se jesperjenzaw l-ewwel mewġa ta’ sħana, li għalkemm mhux daqshekk qawwija daqs snin li għaddew, xorta waħda dawk li jħobbu s-Sajf jistgħu jgawdu l-baħar u anke l-festi.
Iżda skont is-sit Maltese Islands Weather dan is-Sajf se jkun bi “skossi ta’ episodji nstabbli”. Is-sit kiteb li l-ewwel antiċiklun se jiżviluppa fiċ-ċentru tal-Mediterran fil-jiem li ġejjin. Iżda minħabba li l-istess antiċiklun mhux se jkun daqshekk f’saħħtu daqs snin li għaddew “r-reġjun tagħna jibqa’ vulnerabbli għal waqtiet instabbli, anke f’Lulju u f’Awwissu.”
Dan ifisser li fil-waqtiet instabbli, it-temp ikun b’riħ qawwi, it-temperatura tinżel f’daqqa u anke jkun hemm posssibilità ta’ ħalbiet tax-xita.
“Is-Sajf ta’ din is-sena mistenni li jkun mal-medja meta tħares lejh in ġenerali. Se jkun hemm ukoll tendenza ta’ aktar xita minn normal. Meta se jseħħu dawn l-episodji nstabbli għad irridu naraw, u wieħed jista’ jbassarhom biss minn ftit jiem qabel waqt is-sajf,” ġie rraportat fil-sit Maltese Islands Weather.