L-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Midja, AMO,(the Associaton of Media Owners) twaqqfet u qed tiġi rrappreżentata minn sitt kumpaniji tal-midja: Allied Newspapers Lytd, Media.Link Co. Ltd, MediaToday Co.Ltd, Sound Vision Co.Ltd, Standard Publications Co.Ltd u Union Print Co. .Ltd.
AMO twaqqfet biex tkun ta’ influwenza għal organizzazzjonijiet tal-midja tal-istampa u diġitali, sabiex tipproteġi u tippromwovi l-interessi ġenerali u speċjali tal-membri tagħha.
L-AMO għandha l-għan; li tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni ppromulgata, jew regolamenti maħruġa mill-Gvern jew mill-awtoritajiet, ma jipperikolawx il-prosperità jew ifixklu l-benesseri tal-membri tagħha u tippromwovi, tappoġġja jew topponi, billi toħloq front komuni bejn il-Membri, kwalunkwe leġiżlattiv jew miżuri oħra li jolqtu l-interessi tal-Assoċjazzjoni u l-Membri tagħha.
L-Assoċjazzjoni ser tara li tipproteġi l-istruttura ekonomika tas-sidien tal-midja tal-istampa u dik diġitali, id-drittijiet u l-interessi morali u materjali tagħhom, sabiex tiżgura l-avvanz ta’ ġurnaliżmu ta’ kwalità tajba u b’hekk jissolidifika d-dritt fundamentali tal-libertà tal-informazzjoni.
L-AMO se tfittex, tikseb u tiġbor fondi u forom oħra ta’ għajnuna finanzjarja għall-industrija tal-midja stampata u diġitali lokali, inkluż permezz ta’ programmi u/jew skemi miżmuma minn istituzzjonijiet nazzjonali u/jew Ewropej.
AMO se taħdem għall-iżvilupp tad-diffużjoni tal-midja tal-istampa, diġitali u anke dik addizzjonali bħala mezz ta’ informazzjoni u ta’ reklamar, u biex tiżgura l-avvanz u l-qsim ta’ għarfien li jiffaċilita l-operazzjonijiet tal-Assoċjazzjoni.
Barraminnhekk, l-AMO se timmira li tistabbilixxi u żżomm djalogu ma’ gvernijiet, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet tan-negozju, aġenziji internazzjonali u esperti akkreditati, u li tistabbilixxi kuntatti, tikkollega u tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet jew assoċjazzjonijiet oħra simili.
L-AMO hija miftuħa għal dawk l-organizzazzjonijiet kollha tal-midja tal-istampa u diġitali li huma appoġġjati minn kamra tal-aħbarijiet full-time ta’ mill-inqas seba’ ġurnalisti u tliet ħaddiema tal-midja.