Monday, April 13, 2026

‘Is-siegħa fil-gym hija biss parti żgħira … hemm 23 siegħa oħra li trid tkun dedikat’ – Gianni Grima

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?

L-imħabba tiegħi bdiet minn età żgħira. Missieri kien jeħodni nara
shows, għax il-ġar tagħna kien Antoine Zerafa maghruf bhala Il-Bunny,
kif ukoll Eric Schembri. Kont nieħu gost ħafna nara persuni jaghmlu
sagrificcji kbar u b’dedikazzjoni jirnexxilhom ibiddlu d-dehra tagħhom
u jidru bħal eroj tal-cartoons.

Dejjem kont ngħid li meta nikber nixtieq inkun bħalhom. Missieri wkoll kien jittrenja ftit u kellu xi weights id-dar, allura qisni trabbejt f’dan l-ambjent.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa bħala atleta?

Bħala suċċessi għal qalbi, irbaħt il-kategorija tiegħi u l-overall
fil-klassi tal-physique ġewwa Malta fuq livell nazzjonali
fil-kompetizzjoni “The Battle”. Kont tlajt kompetizzjoni oħra barra
min xtutna fil kategorija tal fit-pairs li tfisser tikkompeti bhala
koppja, u ħadna darbtejn l-ewwel post, fosthom ġewwa l-Portugall
bit-titlu ta’ Mr Universe. Is-sena l-oħra ikkompetajt fil-Maċedonja
fejn ġejt l-ewwel fil-klassi Masters li hi ta 40 sena ’l fuq, u
t-tieni post fil-Open Class.

Int ukoll membru tal-ġurija f’xi kompetizzjonijiet. X’differenza
tgħaddi bejn dan ir-rwol u dak ta’ atleta?


Iva, ilni madwar 10 snin bħala membru fil-kumitat ta IFBB Malta. Minn
hemm qatt ma ħarist lura u dejjem ħdimt għal dan l-isport u
għall-atleti. Bdejt niġġudika fuq livell nazzjonali, imbagħad għaddejt
għal livell internazzjonali u fl-aħħar sentejn sirt judge ta’ livell
pro. Ta’ dan kollu nirringrazzja lil Ralph Decilis tal-fiduċja u
s-sapport li wera fija u li dejjem tani kuraġġ.

Nista’ ngħid li għamilt naqra minn kollox fl-IFBB: atleta, judge,
membru u wkoll parti mill-organizzazzjoni. Meta kont atleta kont nara
l-kompetizzjoni minn lenti differenti mil-lum. Illum naf x’jinvolvi
x-xogħol wara kompetizzjoni u nifhem aktar xi jkunu qeghdin ifittxu
il-judges. Min-naħa l-oħra, meta nkun fuq il-panel, nara u nifhem
is-sagrifiċċju li jagħmel atleta biex jasal fejn jasal. It-tnejn
għandhom sodisfazzjon differenti.


Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna, jekk nitkellmu fuq il-klassi
tal-bodybuilding, naqas fin-numru imma mhux fil-kwalità. Dan mhux biss
f’pajjiżna, imma globalment. Il-bodybuilding inqassam f’aktar
kategoriji, allura hemm kategorija għal kulħadd. Jekk tgħaqqad
il-klassijiet kollha, nara li ħafna nies qed jittrenjaw, il-gyms
żdiedu ħafna u l-livell tela’.

Anke fuq livell ta’ informazzjoni żdied
ħafna. Il-livell tal-kompetizzjonijiet tjieb ħafna, u dan grazzi għal
IFBB Malta mmexxija minn Ralph Decelis.

U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti tħarrġu u jkollkom
il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?


Illum il-ġurnata hawn gyms armati tajjeb ħafna u għażla kbira fejn
wieħed jista’ jittrenja. Anki l-livell tal-coaches tjieb ħafna.
Fir-rigward tal-kompetizzjonijiet, dejjem nippruvaw insibu sala
f’lukanda ta’ livell, għax importanti ħafna li l-atleti li jiġu jkunu
stmati. Nippruvaw ukoll niffaċilitaw il-ħajja tagħhom billi l-venue
jkun fl-istess lukanda.

Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Il-mentalità tal-isport tjiebet ħafna. L-gharfien dwar kemm hu
importanti li tagħmel sport mexa ’l quddiem u qed jasal għand in-nies.
Però għad fadal x’naħdmu. Naħseb li qegħdin fit-triq it-tajba. Li
tagħmel sport jgħin kemm fuq is-saħħa fiżika kif ukoll mentali.

Speċjalment minn età żgħira hemm bżonn aktar enfasi. Qabel konna
nilagħbu barra fit-triq u mingħajr ma nindunaw konna qed nagħmlu
sport. Illum ħafna tfal huma mwaħħlin ma’ gaming stations u tablets.
Għandna nimmiraw lejn iż-żgħar għax huma l-futur. Meta tidħol
fl-isport, tiżdied id-dixxiplina, tonqos il-probabbiltà ta’ mard u
żżomm ’il bogħod minn vizzji.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuilding?

Il-futur tiegħi fuq livell ta’ kompetizzjonijiet se jonqos. Ma naħsibx
li nieqaf kompletament, imma ż-żmien għaddej, għalaqt 41 sena ftit
tal-jiem ilu. Però bħala sport, il-bodybuilding qatt ma naħseb li
nieqaf minnu.

Sibt familja oħra f’dan l-isport li għenitni kemm fiżikament kif ukoll
mentalment. Siegħa kuljum tista’ tbiddillek ħajtek. Aħjar siegħa
fil-gym jew mixja barra milli siegħat fuq il-midja soċjali.

Fil-futur nixtieq niffoka aktar fuq l-organizzazzjoni ta’
kompetizzjonijiet fuq livell nazzjonali flimkien mal-President ta’
IFBB Malta, Ralph Decilis. Nixtieq nagħti sapport lill-atleti Maltin u
naqsam l-għarfien li ksibt matul is-snin. Fuq livell internazzjonali,
inkompli bħala Pro Judge u forsi nitla’ aktar fil-pożizzjoni tiegħi.
Din hija l-passjoni tiegħi.


Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess
fil-bodybuilding.


Il-bodybuilding huwa sport ta’ dixxiplina kbira. Mhux biss tibni
figura aħjar, imma tibni wkoll mentalità b’saħħitha. Huwa wieħed
mill-aktar sports li jeħtieġ dedikazzjoni.

Is-siegħa fil-gym hija biss parti żgħira … hemm 23 siegħa oħra li trid
tkun dedikat. Trid dieta speċifika li mhijiex li tbati bil-ġuħ izda
wahda ikkontrillata bejn l-ikel, il-melħ u l-ilma. Barra minn hekk,
trid mistrieħ tajjeb biex il-muskoli jirkupraw u biex jiġu regolati
l-ormoni.

Jien ma naqta’ qalb lil ħadd u dejjem lest nagħti kuraġġ lil min
jixtieq jibda dan l-isport. Nemmen li għandna ħajja waħda u għandna
nippruvaw naraw sa fejn nistgħu naslu fil-potenzjal fiżiku tagħna. Min
jixtieq pariri jew direzzjoni għal kompetizzjonijiet jista’ dejjem
jikkuntattjani fuq il-midja soċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport