Is-sieħba ta’ Liam Payne ddikjarat li hija “ma kinitx titlaq mill-Arġentina” li kieku kienet taf li se sseħħ il-mewt tiegħu.
L-influencer Amerikana Kate Cassidy, li kienet ilha f’relazzjoni mal-eks stilla tal-One Direction mill-2022, qalet f’intervista ma’ The Sun li l-mewt ta’ Payne kienet mewta traġika.
“Le, qatt ma ħsibt (li se jmut żgħir). Qatt ma ħsibt li dan kien se jiġri,” żiedet tgħid fl-ewwel intervista tagħha minn mindu miet.
Payne miet f’Ottubru tas-sena li għaddiet, wara li waqa’ mill-gallarija tal-kamra tal-lukanda tiegħu fi Buenos Aires, l-Arġentina. Huwa kellu 31 sena.
Ġimgħa wara mewtu, Cassidy sellmet il-memorja tal-kantant online u ddeskrivietu bħala “l-aqwa ħabib tiegħi, l-imħabba ta’ ħajti.”
Hija kienet ippubblikat ritratt b’nota miktuba minn Payne ftit qabel ma miet, fejn tat x’tifhem li l-koppja kienet se tiżżewweġ fi żmien sena.
Fl-intervista tagħha ma’ The Sun, hija qalet li “l-imħabba hija tant ottimista u tittama biss li kollox jirnexxi fl-aħħar. Naturalment li kieku kont naf, kieku stajt nara fil-futur, qatt ma kont nitlaq mill-Arġentina”.
Payne kien jinsab l-Arġentina fuq btala biex jara kunċert tal-eks sieħbu Niall Horan. Cassidy qalet li kienet telqet mill-Arġentina u marret lura fir-residenza tagħhom fi Florida waħedha biex tieħu ħsieb lill-kelba tagħhom, Nala.