Fl-aħħar ġimgħat, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi rċieva numru konsiderevoli ta’ lmenti minn residenti u bdiewa Siġġiwin li qed jiġu affettwati minn dawk li sejħulhom “xogħlijiet illegali” li għaddejjin fil-preżent f’impjant tal-kostruzzjoni u barriera fiż-żona ta’ Triq Bur Ġabrun, fi Triq l-Imqabba, limiti tas-Siġġiewi.
L-istess Kunsill Lokali, filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin f’dan is-sit, qal li inkariga l-Perit tiegħu sabiex jinvestiga dan il-każ u jivverifika jekk ix-xogħlijiet humiex skont ir-regoli stabbiliti jew le.
Il-Kunsill saħaq li l-verifiki li huwa wettaq permezz tal-periti tiegħu, jikkonfermaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex inħareġ il-permess mhumiex jiġu rrispettati u dan b’dannu ambjentali ta’ dan l-inħawi u b’detriment għar-residenti Siġġiwin b’mod inġenerali.
Quddiem dan kollu, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi talab lill-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll lill-ERA sabiex iżuru dan is-sit sabiex jistabbilixxu huma stess jekk dan l-operat li għaddej fil-preżent hux konformi mal-liġi jew le.
Il-Kunsill Lokali kompla jisħaq li: “Qed nagħmlu appell imqanqal lill-awtoritajiet imsemmija sabiex jerfgħu r-responsabbiltà u jassiguraw li jsir infurzar effettiv u b’saħħtu sabiex nassiguraw li x-xogħlijiet illegali li għaddejjin fil-preżent ma jkunux aktar ta’ detriment għar-residenti u l-familji tagħna Siġġiwin u dan bi qbil unanimu mill-membri kollha tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.”