Fil-Parlament tqajmet il-kwistjoni tas-siġra tal-Milied li taħt Gven Nazzjonalista kien intqal li nxtegħlet għax tqabbdet mas-sistema li kienet qed tiġbor il-gass fil-Magħtab, mentri wara nstab li din kienet minflok tqabbdet mal-grid.
Id-Deputat Nazzjonalista David Thake staqsa dwar dan fil-Parlament. Hu staqsa li “siġra tal-Milied li allegatament tqabbdet mal-grid meta l-gvern preċedenti kien ħabbar li din kienet qed titħaddem permezz ta’ gas rkuprat mill-miżbla, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe provi jew dikjarazzjonijiet minn ħaddiema jew uffiċjali li tawh din l-informazzjoni u kif wasslu għal din il-konklużjoni?
Il-Ministru Aaron Farrugia wieġeb li “s-sigra tal-Milied imsemmijja kienet iċ-ċajta tas-sena ta’ kull min kien midħla tas-settur. Sfortunatament din iċ-ċajta għadha tissemma sal-lum għax baqgħet bħala xempju tal-falliment tal-gvern ta dak iż-żmien li ħalla s-settur ta’ l-iskart fi stat ta’ abbandun b’strateġiji dgħajfjn. Kuntrarju għal dan, illum qed nimplimentaw l-akbar investiment f’dan is-settur fl-istorja ta’ Malta b’nofs biljun Ewro li ser imorru biex il-pajjiż jersaq lejn ekonomija ċirkolari. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli interpellant biex ma jibqax imwaħħal fil-passat u jiffoka fuq x’jista’ jipproponi lill-poplu Malti bħala Gvern alternattiv.”