Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Ir-ragel tiegħi trabba f’ambjent tal-futbol, speċjalment marbut mal-klabb storiku tal-Victoria Hotspurs. Minn età żgħira, il-futbol kien parti integrali minn ħajtu, u permezz tiegħu bdejt nara u napprezza mhux biss il-ġmiel tal-logħba imma wkoll kemm il-futbol hu importanti għal komunità sħiħa.
Il-futbol għalina m’huwiex biss logħba, izda sport li jġib miegħu passjoni, dedikazzjoni u emozzjonijiet. Huwa mezz li jgħaqqad lin-nies, joħloq sens qawwi ta’ komunità, u jġib flimkien familji u ħbieb.
Għalija, il-futbol m’huwiex biss passatemp jew ħin ta’ divertiment. Huwa stil ta’ ħajja, mod kif ngħixu, nagħmlu ħbieb ġodda, u nibnu memorji li jibqgħu magħna għal dejjem. Kull partita, kull rebħa u anke kull telfa, iġorru magħhom emozzjonijiet u mumenti li jsaħħuna.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Segreatrja ta’ Victoria Hotspurs FC.
Bħala Segretarja ta’ Victoria Hotspurs FC, ir-rwol tiegħi jinvolvi diversi responsabbiltajiet amministrattivi. Jien responsabbli biex inżomm il-korrispondenza uffiċjali tal-klabb, nikkordina u norganizza laqgħat tal-kumitat u nieħu ħsieb il-minuti tagħhom. Nieħu ħsieb ukoll il- komunikazzjoni bejn il-klabb, l-Malta Football Association u entitajiet ohra. Nieħu ħsieb l- applikazzjonijiet, ir-reġistrazzjonijiet u l-proċeduri amministrattivi kollha marbuta mal-plejers u l- parteċipazzjoni tagħhom f’kompetizzjonijiet uffiċjali. Nagħti kontribut fil-attivitajiet u inizjattivi tal-klabb, b’mira li nsaħħu l-involviment tal-komunità u nkomplu nibnu fuq ir-reputazzjoni professjonali u sportiva ta’ Victoria Hotspurs FC.
X’taħseb li kien is sigriet tas-suċċess għall-promozzjoni minn National Amateur League 2 għan-National Amateur League 1 bħala Champions?
Is-sigriet għas-suċċess għall-promozzjoni mill-National Amateur League 2 għal League 1 kienet taħlita soda ta’ dixxiplina, ħidma fit-tim, u konsistenza. F’kull partita, il-kowċ resaq bi pjan ċar, imfassal b’attenzjoni u mibni fuq analiżi preċiża tal-avversarji. It-taħriġ kien iffukat u mmirat lejn il-kisba ta’ dan l-objettiv ambizzjuż.
L-ispirtu tat-tim kien il-qalba tas-suċċess tagħna. Kull membru, kemm dawk fuq il-pitch kif ukoll dawk fuq il-bankina, kien impenjat bis-sħiħ lejn l-istess għan. L-għaqda ta bejnietna kompliet tissahhah, anke f’mumenti diffiċli.
Il-kapaċità tagħna li nitgħallmu mill-iżbalji, nadattaw malajr għal sitwazzjonijiet ġodda, u nibqgħu nżommu pass wieħed ’il quddiem, kienet kruċjali. Dan kollu wassal biex il-ħolma tagħna saret realtà, promozzjoni mistħoqqa li rriflettiet x-xogħol kollu li sar tul dan l-istaġun.
X’tikkummenta fuq il-kowċ Oliver Spiteri u l-president Dr Anton Tabone?
Oliver Spiteri huwa wieħed mill-aktar kowċis rispettati fil-futbol Malti. Oliver huwa kowc professjonali b’esperjenza vasta, huwa magħruf għall-istil ta’ tmexxija tiegħu li jikkombina
dixxiplina ma’ motivazzjoni. Dan jidher b’mod ċar fl-attitudni u l-prestazzjoni tal-plejers taghna matul dan l-istagun. Il-kontribuzzjoni tiegħu kienet kruċjali biex il-Victoria Hotspurs FC kisbu l- promozzjoni mill-National Amateur League 2 għall-National Amateur League 1.
Il-president, Dr Anton Tabone, huwa l-bniedem li bil-passjoni, dedikazzjoni, u imħabba kbira li dejjem wera lejn il-klabb, se jibqa’ figura ispirattiva għall-Victoria Hotspurs FC. Bil-hidma bla waqfien ta’ Dr Anton Tabone il-klabb għamel passi kbar ‘il quddiem, u kiseb suċċessi importanti li sa ftit ilu kienet biss ħolm. Permezz tal-viżjoni ċara ta Dr Anton Tabone, il-Victoria Hotspurs rnexxielhom jagħmlu qabża storika u jilagħbu fil-kampjonat Malti. Il-hidma ta Dr Anton Tabone mhix limitata biss għat-trofej u l-suċċessi, iżda hija wkoll imfissra f’ dedikazzjoni u passjoni li se jibqgħu jidhru f’dak kollu li l-klabb se joffri fil-futur.
Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2, u dan kemm hu differenti minn dak tal- Gozo League?
Iż-żewġ kampjonati joffru livell ta’ kompetizzjoni simili. Madankollu, fil-livell tan-National Amateur League 2, il-klabbs għandhom l-opportunità li javvanzaw għal diviżjonijiet ogħla. Min- naħa l-oħra, il-kampjonat Għawdxi huwa aktar limitat, billi jikkonsisti biss f’żewġ diviżjonijiet, u għaldaqstant l-ispazju għal tkabbir kompetittiv huwa inqas.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Il-facilitajiet tat-taħriġ li qed nużaw bħalissa mhumiex tagħna. Għalkemm moqdijin tajjeb dejjem kienet x-xewqa tagħna li jkollna l-facilitajiet tat-taħriġ li jkunu jappartjenu direttament lil Victoria Hotspurs FC.
Il-grawnds li qed nilagħbu fihom huma tajbin meta tqis li bħalissa qed nilagħbu fl-inqas divizzjonijiet.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?
Ǫiegħda nħares lejn il-futur tiegħi fl-amministrazzjoni tal-futbol b’determinazzjoni u ambizzjoni. Nixtieq inkompli nitgħallem, nikseb esperjenza, u nagħti kontribuzzjoni pożittiva lill-klabb. L-għan tiegħi hu li nkun parti minn tim li jmexxi b’viżjoni ċara, trasparenza u passjoni. Nemmen li bl- impen u bix-xogħol tal-president Dr Anton Tabone u l-membri kollha tal-Kumitat nistgħu nkomplu noħolqu ambjent professjonali u sostenibbli ghaz-zaghzagh taghna.
Għaddi messaġġ finali lill-partitarji numerużi ta’ Victoria Hotspurs FC.
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex ngħidilkhom grazzi. Intom l-qalb tat-tim tagħna. Kull ċapċipa, kull inkoraġġiment taghmel differenza. Il-lealtà tagħkom kienet kruċjali ghal kull rebha li ghamel t-tim. Intom aktar minn partitarji – intom il-familja tagħna. Inħeġġiġkom bis-sħiħ biex tkomplu tappoġġjaw lil dan il-klabb ta’ storja kbira. Grazzi ta’ kollox, u kif dejjem ngħidu … “Aħna l-Hotspurs!”