Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet meta kelli seba’ snin. Dan wara li ħija kien ilu jilgħab dan l-isport għal tliet snin mat-tim tal-Athleta. Hu kien ta’ ispirazzjoni għalija biex nibda nipprattika din il-logħba. Dan għaliex kont insegwi t-taħriġ u l-logħob li kien jilgħab matul dawn is-snin.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-timijiet tal-youths ta’ Athleta BC.
Dan huwa proprju r-raba’ staġun tiegħi bħala kowċ tal-youths mal-Athleta, fejn nistgħu ngħidu li kien staġun ta’ suċċess wara ħafna ħidma. Ir-riżultati miksuba f’dan l-istaġun kienu frott il-ħidma tat-tliet snin li għaddew, fejn ħdimna qatigħ biex nerġgħu nkunu fl-ogħla pożizzjonijiet fil-kampjonati tal-youths. Grazzi għat-tfal li dejjem kienu dedikati għal dan l-isport, fejn kienu dejjem iddixxiplinati u mxew ma’ dak li ngħidilhom jien. Dan ukoll ma setax isir mingħajr l-appoġġ li sibt mingħand il-ġenituri, li afdaw it-tfal tagħhom taħt il-kappa tiegħi tul dawn l-aħħar erba’ snin. L-esperjenza preżenti hija sabiħa għaliex magħha qed iġġib is-suċċessi … biss mingħajr is-sagrifiċċju li sar fis-snin ta’ qabel dan tabilħaqq ma setax ikun possibli!
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-unuri mit-timijiet immexxija minnek matul l-istaġun li għadda?
Bla ebda dubju, is-sigriet għal dan is-suċċess m’hijiex ħaġa waħda, imma hija ħafna fatturi li jiġu magħqudin f’daqqa biex laħqu dawn it-tragwardi. Nibda billi ngħid li it-tim m’huwiex sempliċi tim tal-basketball imma familja. It-tfal jiltaqgħu erba’ darbiet fil-ġimgħa għat-taħriġ, biss jiltaqgħu ukoll fi tmiem il-ġimgħa u jintefgħu jilagħbu xorta wahda kif ukoll isegwu l-logħob li jkun għaddej ġol-Padiljun ilkoll flimkien. Dejjem ikunu puntwali għat-taħriġ jew attivitajiet li jkollna, juru rispett lejn sħabhom u dejjem kienu dedikati u serji meta jiġi l-ħin għas-serjetá. Ovvjament, parti kbira mis-sigriet tas-suċċess huma wkoll il-ġenituri li ta’ kuljum iwasslu lit-tfal għat-taħriġ jew fejn ikun hemm bżonn.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-basketball f’pajjiżna nemmen li qed jikber u jitjieb biss peró għad fadal ħafna xi jsir meta tikkumpara ma’ pajjiżi oħra ta’ tamparna. Meta tara plejers barra minn Malta, tara ħafna plejers professjonali li hawn Malta diffiċli issir għaliex il-basketball m’huwiex sport li tista tagħmlu bħala full-time. Huwa għalhekk li minn ta’ etá żgħira trid tidħol il-mentalitá fejn ninżlu għat-taħriġ b’interess u skop, mhux jinżlu biex jgħaddu siegħa żmien. Dan għaliex fiż-żminijiet li ġejjin ħa jkunu huma l-futur tal-basketball Malti u jridu jkunu huma stabbiliti u jilagħbu mal-barranin.
U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Nistgħu ngħidu illi għandha Padiljun modern fejn sentjejn ilu wkoll ospita il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, fejn ra folol ta’ nies u huwa aċċessibbli għal kulħadd. Il-kampjonati ta’ taħt is-16-il sena wkoll isiru f’dan il-padiljun, fejn it-tfal għandhom l-opportunitá li jilagħbu ġo fih u jgawdu minnu. Barra minn hekk hemm ukoll courts għat-taħriġ u issa l-courts ta’ barra, biss peró dawn mhux biżżejjed. Meta tellajt it-tfal il-Maċedonja, stagħġibna għaliex ma’ kull dar jew ġo kull fetħa kien hemm nofs court tal-basketball u hemmhekk juri kemm hu importanti għalihom dan l-isport. Nemmen li hawn Malta jekk isir imqar ‘half court’ f’kull lokalitá, igawdu minnu ħafna tfal u tiġbed iktar tfal lejn din il-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Il-kowċing jagħtini sodisfazzjon kbir u għalhekk fil-futur qed nara lili nnifsi inkompli nikkowċja. Kull min jafni jaf li l-basketball huwa ħajti. L-ikbar sodisfazzjon tiegħi peró mhux li nara l-plejers tiegħi jikbru fil-logħba avolja dak huwa l-għan, imma li jikbru bħala żgħażagħ li tista’ tafda fuqhom u huma ta’ rispett għal ta’ madwarhom. Il-ħolma tieghi hija li xi darba nikkowċja lit-tim nazzjonali ta’ Malta fejn jidħlu youths, kif ukoll nara lill-klabb ta’ Athleta jimxi ‘l quddiem b’dan il-grupp sabiħ ta’ plejers li nemmen li ħafna minnhom għad narawhom jibbrillaw mat-tim tal-kbar. Apparti minn hekk fuq għan personali nixtieq inġib iktar kwalifiċi biex inkompli ntejjeb il-livell tiegħi ta’ kowċ.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jippratikka l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Lil kull min jixtieq jibda jipprattika dan l-isport, ħaga waħda ngħidlu … taqtgħux qalbkom – ħadd ma telaq jiġri qabel ma tgħallem jimxi! Dan l-isport għandu ambjent li jilqa’ lil kulħadd, iżommok ‘il bogħod mill-vizzji u jgħinek tibqa’ attiv fiżikament. Jgħinek ukoll tibni ħbiberiji ġodda u tkun iktar kunfidenti f’ħajtek. Jekk trid tkun ta’ suċċess, trid tibda billi tkun paċenzjuz u r-riżultati jibdew jiġu waħedhom. Trid tkun dixxiplinat u b’dedikazzjoni kbira fejn ma tridx taqta’ qalbek u tibqa’ taħdem kuljum, ikun xi jkun ir-riżultat!