Tuesday, April 22, 2025

Is-sigriet ta’ dan is-success minn Tarxien Rainbows FC nistgħu niddeskrivuh f’żewġ kelmiet … għaqda u determinazzjoni – Neil Portelli

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ta’ etá żgħira minn dejjem kont migbud lejn dan l-isport. In-nannu kien jieħu lili u lil ħija naraw il-partiti tal-Kampjonat Premier, daqqa l-Istadium Nazzjonali, il-grawnd ta’ Kordin jew il-Hamrun, skont x’logħob ikun hemm skedat. Bħala sport bdejt nipprattikah sew ta’ 14-il sena meta kont ingħaqadt ma’ tim tal-futsal u bdejna nikkompetu fil-Kampjonat tal-Futsal Malti. Wara sentejn ingħaqadt ma’ Birzebbugia St Peters Futsal u f’sentejn irnexxielna nirbħu l-kampjonat rispettiv u anke promozzjoni s-sena ta’ wara biex konna ġejna promossi mid-diviżjoni l-iktar inferjuri għall-ogħla diviżjoni tal-futsal Malti. Kien żmien sabiħ li żgur nibqa’ niftakar. Imbagħad propju fl-2019, wara numru ta’ snin twal, xemx u xita, insegwi regolarment u nissapportja lit-tim ta’ raħal twelidi, Tarxien Rainbows FC, ġejt avviċinat mill-president, is-Sur Tont Cassar, sabiex nissieħeb fil-kumitat tal-istess klabb … stedina li lqajtha b’idejja miftuħa.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala PRO ta’ Tarxien Rainbows FC, u l-fatt li tassisti l- iskwadra fil-ġranet tal-logħob.

Il-kariga ta’ PRO hija waħda impenjattiva ferm għall-fatt li hija marbuta direttament mal-immaġini tal-klabb. Ix-xogħol tista’ tgħid ma jieqaf qatt, trid iżżomm il-paġni tal-klabb fuq il-mezzi socjali dejjem attivi u trid tkun ukoll kemmxejn kreattiv sabiex il-prodott jintlaqa’ bl-aħjar mod possibli. Iżda kif jistgħu jixhdu dawk kollha li jiffurmaw parti minn kumitat ta’ xi tim jew ieħor, ix-xogħol li tagħmel fi klabb mhuwiex biss skont kif titlob il-kariga tiegħek. Tista’ tgħid li fejn hemm bżonn, trid tmidd idejk. Infatti kif għidt tajjeb inti, jiena wkoll nassisti l-iskwadra fil-ġranet tal-logħob u nieħu ħsieb il-parti amministrattiva (f’kelma oħra ix-xogħol ta’ karti li jkun hemm bżonn qabel u waqt il-partita). Biċċa xogħol li tirrikjedi wkoll il-ħin tagħha, iżda biċċa xogħol ta’ sodisfazzjon kbir. Nistqarr li l-atmosfera ta’ dressing room togħġobni ħafna.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni minn Tarxien Rainbows FC miċ-Challenge League għall-Malta Premier?

Is-sigriet ta’ dan is-suċċess minn Tarxien Rainbows FC nistgħu niddeskrivuh f’zewg kelmiet … għaqda u determinazzjoni. Żgur li dan it-tragward ma setax jintlaħaq mingħajr dawn iż-żewġ fatturi, ukoll meta tqis li bħala klabb fl-istaġun li għadda spiċċajna fl-għaxar post tal-klassifika u din is-sena rnexxielna niksbu l-promozzjoni. Id-determinazzjoni li urew il-plejers flimkien mal-istaff tekniku u aħna l-kumitat, immexxija mill-president maħbub tagħna, is-Sur Tony Cassar, tista’ tgħid li hija waħda indeskrivibbli. Anke f’mumenti fejn forsi kienu diżappuntanti, bqajna magħqudin u determinati sabiex nagħrfu nqumu għall-okkażjoni u ndawru r-rotta. Promozzjoni li niddedikaw għall-memorja tal-viċi-president, is-Sur Charles Cassar, li proprju ħalla din id-dinja ħamest ijiem qabel ġejna promossi. Żgur li kikeu kien għadu magħna, kien ikun fis-seba’ sema mdawwar bil-familja ta’ Tarxien Rainbows FC, li tant kienet għal qalbu.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nemmen li fil-preżent, il-livell tal-futbol Malti avvanza ferm meta kkumparat ma’ ftit tas-snin ilu. Jekk wieħed iqis in-numru ta’ plejers Maltin li jilagħbu barra minn xtutna f’kampjonati klassifikati f’livelli ferm ogħla minn dak ta’ pajjiżna, ukoll juri biċ-ċar li l-livell tal-futbol f’pajjiżna kiber. Biss peró xorta, bħal kwalunkwe ħaġ’oħra, dejjem hemm lok għal iktar avvanz u tajjeb li jsir investiment fl-iżvilupp tat-tfal fuq livell ta’ nurseries / akkademji.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv taghkom?

Din hija mistoqsija li se nweġibha kif inhu. Nemmen li l-grawnds m’humiex kollha tal-istess livell. Għandna grawnds li huma tal-ogħla livell u min-naħa l-oħra għandna grawnds li m’humiex attrezzati bl-iktar affarijiet bażiċi. Se nsemmilek ħaġa waħda biss. Nistenna li fi dlam ċappa, id-dawl artifiċjali għandu jdawwal il-partijiet kollha tal-grawnd u mhux bilkemm tara minn ġenb għall-ġenb l-ieħor. Mhux gost u pjaċir tiegħi li nitkellem hekk, imma huwa tajjeb li tinġibed l-attenzjoni sabiex intejbu fuq it-tajjeb li diġá hemm.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jiena naspira li nkompli naħdem mill-qalb għall-klabb ta’ raħal twelidi, Tarxien Rainbows FC. Iżda fil-ħajja ma tistax tgħid x’jista’ jinqala’ u trid tkun lest li tadatta għal kull sitwazzjoni li tista tiffaċja.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Il-messaġġ tiegħi mhuwiex biss lejn min jixtieq jibda jilgħab il-futbol iżda lejn min jixtieq jibda jikkontribwixxi f’din il-logħba. Jekk verament irridu li nkomplu ntejbu l-livell, tajjeb li kulħadd jikkontibwixxi kif jista’. Anke sempliċiment partitarju huwa bżonnjuż u essenzjali sabiex flimkien intejbu l-livell tal-futbol f’pajjiżna! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport