Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir, dejjem kelli xewqa li nibda nittrenja l-futbol. Konna nilagħbu l-iskola u l-MUSEUM u kont nara ħafna logħob fuq it-televixin, speċjalment tal-AC Milan.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Birzebbugia SP FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Birzebbugia SP FC bdiet sena u nofs ilu, meta f’Jannar kienu avviċinawni biex niċċaqlaq magħhom għal dak l-istaġun. Personalment, naħseb li huma l-isbaħ sena u nofs tiegħi kemm ilni nilgħab il-futbol. Hemm president, Joseph Fenech, u kumitat ħabrieka mmens li fis-sessjonijiet ta’ taħriġ, dejjem ikunu magħna kemm fit-tajjeb u anke fil-ħażin. Dawn in-nies għalkemm jagħmlu ħafna xogħol mingħajr daqq ta’ trombi ħaqqhom kull tifħir.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Edgar Degabriele?
Il-kowċ Edgar Degabriele huwa persuna li bla ma jrid jgħaqqadlek il-grupp u jdaħħallek sens ta’ motivazzjoni. Il-kowċ Edgar għandu esperjenza kbira f’din id-diviżjoni, għalhekk mal-wasla tiegħu mal-ewwel qalilna xi jrid mingħandna u għalkemm meta bdejna fit-Top Six konna ħames punti taħt tal-ewwel, xorta baqa’ jemmen li nistgħu nagħmluha, u fil-fatt hekk ġara. Grazzi tmur ukoll lill-istaff tekniku tiegħu tiegħu kemm Jean Paul Gialanze u anke Claude Carbonaro li jagħmlu ħafna xogħol inkredibbli li lilna tawna dik il-‘boost’ li ridna għall-aħħar sitt logħbiet.
X’taħseb li kien is-sigiriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League bħala Champions tan-National Amateur League 1?
Is-sigriet tas-suċċess tagħna kien l-għaqda bejn il-plejers u li kulħadd ried li niksbu dan it-tragward. Il-grupp ta’ plejers li hemm huwa inkredibbli b’taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza u plaejers żgħażagħ li meta ġejna għas-‘si’ u n-‘no’, kull plejer ta l-almu tiegħu kollu, u b’hekk kienet ir-riċetta perfetta għal dan is-suċċess u fl-aħħar ktibna l-istorja għal dan il-klabb.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti minn mindu fil-Malta Premier żdiedu l-plejers barranin, id-diviżjonijiet inferjuri kibru ħafna. Iċ-Challenge League sar kampjonat kompetittiv u li jkollok timijiet bħal Valletta FC jagħmlu iktar speċjali. In-Natioanl Amateur League 1 u 2 kibru wkoll b’żieda fil-plejers barranin u kwalitá tal-plejers li saru jilagħbu f’dan il-kampjonat jagħmlu iktar kompetittiv u sabiħ biex issegwih.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds li nilagħbu aħna fihom hemm minnhom tajbin u hemm minnhom fejn hemm bżonn jitranġaw. Bħala art, il-grawnds tjiebu ħafna anke bħala faċilitajiet peró hemm grawnds li għandhom bżonn jitranġaw biex il-livell f’dawn id-diviżjonijiet jibqa’ jitjieb.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Personali wara dan l-istaġun wara li personalment u bħala kollettiv kelli staġun mill-isbaħ, għandi nibqa’ nħares ‘il quddiem b’pożittivitá, u dejjem nipprova nagħti l-100% tiegħi għal kull klabb li nilgħab għalih.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Messaġġ finali huwa għal dawk il-plejers li sabu xi ntopp matul il-karriera tagħhom. Taqtgħu qalbkom qatt … bid-determinazzjoni u bix-xewqa li tirnexxi fil-ħajja, tasal żgur. Qatt tħares lura u taħsibx fil-ħażin … dejjem kun pożittiv u aħseb x’jista jiġri fil-futur!